IR-RIKOSTRUZZJONI TAL-BYPASS TA’ MARSASCALA
Ix-xogħol fuq il-Bypass ta’ Marsacala issa qabad sew, tant li l-ewwel parti hi diġa’ mibnija lesta u kien mogħti t-tarmac.
Dan huwa proġett ta’ aktar minn € 9 miljun li minnhom l-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja € 7 miljuni. Il-proġett ta’ Marsascala huwa parti minn Network ta’ Toroq Arterjali li qed jinbnew permezz ta’ fondi Ewropej. Din is-sena ser tinbena din it-triq, li fiha 3 KM u li tgħaqqad żewġ partijiet importanti tal-pajjiż, kif ukoll Valletta Road, iż-Żurrieq li hi twila 2 KM u ser tiswa aktar minn € 6 miljun.
Permezz ta’ fondi Ewropej ukoll mill-2005 sal-lum inbnew it-Triq ta’ Ħal Far, Triq l-Avjazzjoni Ħal Luqa, il-By-Pass ta’ San Pawl il-Baħar, il-Pont ta’ Manoel Dimech u t-triq li mill-Imġarr Għawdex tagħti għall-Heliport.
Bejn is-sena d-dieħla u l-2011 ser jinbnew toroq importanti oħrajn permezz ta’ fondi Ewropej; Triq Garibaldi Ħal Luqa, it-triq tas-Sea Passenger Terminal il-Marsa f’żewġ fażijiet, Marfa Road il-Mellieħa u t-triq tal-Għadira kif ikoll it-triq bejn Għajnsielem u r-Rabat Għawdex. Dan ifisser 16-il KM ta’ toroq li huma essenzjali għal pajjizna u investiment totali ta’ € 62 miljun din is-sena u fis-sentejn li ġejjin. Malta hija pajjiż b’waħda mill-għoli rati ta’ karozzi privati fl-Ewropa; hija pajjiż ukoll fejn l-inġenji tqal (trakkijiet eċċ) jużaw l-istess rotot li jużaw vetturi oħrajn u għalhekk hemm ħafna pressjoni fuq it-toroq tagħna.
Fil-proġett ta’ Marsascala qed isir sforz ħafna akbar mis-soltu fuq dawk l-affarijiet li kienu jitqiesu sekondarji pero’ li jurtaw lil ħafna nies. Minn qed jikkoordina dan il-proġett kellu ħafna laqgħat ma’ tal-ħwienet, kien hemm informazzjoni tajba mar-residenti tal-inħawi, u fl-ippjanar sar sforz biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt li dawn ix-xogħlijiet ikollhom fuq dawk kollha li għandhom ħwienet u residenzi fil-viċin.
Kif diġa’ saħaq fil-Parlament, il-Ministru Austin Gatt irreafferma li qed jesieġi li f’kull proġett tat-toroq li jsir, kemm dawn it-toroq Arterjali pero’ anke fejn isiru xogħlijiet izgħar mill-ADT, il-kunsilli lokali jew mill-Enemalta u l-Water Services, jittieħdu miżuri biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti u dawk li jużaw it-triq. Ma jistax ikun li tiġi ttollerata sitwazzjoni fejn xi entita tintervjeni fuq triq mingħajr ma tavża r-residenti, tieħu prekawzjonijiet fuq saħħa u sigurta’ u tnaqqas kemm jista jkun il-ġranet ta’ inkonvenjent.
Il-Ministru ta’ Austin Gatt qal li fil-każ ta’ Marsascala jieħu gost jinnota li –
• Saru sinjali professjonali li jibdew minn distanza l-bogħod biżżejjed qabel ma’ wieħed jasal f dan il-lok. • Sar xogħol estensiv fuq ir-rotot alternattivi minn fejn wieħed jista’ jgħaddi waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet; infatti l-impatt fuq it-traffiku kien wieħed minimu meta wieħed iqis il-kobor ta’dan il-proġett. • Il-ħinijiet li fihom qed isir ix-xogħol huwa itwal minn dawk f’proġetti oħrajn, u fil-fażijiet li jmiss ser isir ukoll xi xogħol matul il-lejl.
Il-kontroll fuq il-kuntrattur huwa wkoll aċċettabli s’issa. Il-kuntrattur ingħata twissijiet uffiċjali meta waqa’ lura fix-xogħol pero’ dan iz-zmien, ta’ ġimgħatejn, ser jintrebaħ aktar tard speċjalment peress illi partijiet mit-tieni fażi bdew diġa’ waqt li kienet għaddejja l-ewwel fazi.
Il-progress fuq dan il-proġett huwa wieħed tajjeb u sakemm ma’ jkunx hemm komplikazzjonijiet għandu jitlesta fil-ħin, sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.
Li jkollna toroq ta’ livell internazzjonali hija l-aspettativa tagħna lkoll.
Meta wieħed iħares lejn in-network tat-toroq tal-pajjiż jirrealizza li ħlief għal dawk it-toroq li nbnew mill-Protokoll Taljan u t-toroq li nbnew mill-fondi Ewropej (li minkejja x-xita li għamlet din is-sena urew li mibnija sew) għadna numru kbir ta’ toroq li ma kinux mibnija kif suppost. F’Marsascala stess instabu pedamenti magħmula mill-ħamrija, u kellu jinbena kollox mill-ġdid u skont livelli internazzjonali. F’parti kbira min-network ta’ toroq tagħna hemm bżonn ta’ investiment kbir.
Il-fondi tal-Ewropa, bejn ERDF u TEN-T huma essenzjali, pero’ jeħtieġ li l-pajjiż jinvesti aktar fit-toroq biex jinbnew it-toroq u jinżammu fil-livell mixtieq.
Other Press Releases:
PR261986en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...
PR261986