Left arrow Go Back

ANZJANI MALTIN IL-PROTAGONISTI TAL-KAMPANJA ‘NEĦDUK GĦAWDEX’

PR1609
Date Icon 28/10/2008
Il-prodottturistiku Għawdxi ser ikollu mezz ieħor li bih ikun jista’ jattira aktar viżitaturi matul il-ġranet tal-ġimgħa, hekk kif ix-xhur li ġejjin jirrappreżentaw sfida partikolari għal din l-industrija f’Għawdex. Il-Kampanja ‘Neħduk Għawdex’, li ġiet mnedija waqt attività ġewwa ‘Dar il-Madonna Tal-Mellieħa’, hija speċifikament indirizzata biex tipromwovi lil Għawdex fost għaqdiet u gruppi ta’ l-anzjani matul ix-xhur anqas popolari tas-sena. ‘Neħduk Għawdex’ huwa pakkett turistiku speċjali mfassal biex jakkomoda l-esiġenzi u l-gosti ta’ gruppi ta’ anzjani li jagħżlu li jqattgħu btala qasira f’Għawdex fl-ewwel erbat’ijiem tal-ġimgħa. Din il-kampanja ġiet imfassla biex testendi n-numru ta’ ljieli li jkunu reġistrati fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex, speċjalment matul ix-xhur tax-Xitwa. B’dan il-mod, is-suq turistiku Għawdxi ikun jista’ jkompli jilqa’ għall-isfida ta’ l-istaġjonalita’.
Il-pakkett‘Neħduk Għawdex’ ser ikun possibbli permezz ta’ ftehim li sar bejn sidien ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex u membri ta’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex. L-uffiċċju ta’ din l-assoċjazzjoni f’Għawdex ser ikun qed jagħti aktar informazzjoni u jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex b’hekk jiffaċilità konsiderevolment ix-xogħol għall-organizzaturi Maltin. Din l-inizjattiva sabet appoġġ mill-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni kif ukoll is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien mat-tliet Segretarji Parlamentari rispettivi, l-Onor. Mario de Marco, l-Onor. Chris Said u l-Onor. Mario Galea, taw aktar dettalji waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, li saret aktar kmieni dalgħodu.
L-Onor GiovannaDebono, spjegat kif is-settur turistiku huwa element fundamentali għall-iżvilupp soċjo ekonomiku sostenibbli tal-gżira ta’ Għawdex. Il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar snin kienet indirizzata b’mod effikaċi biex tgħin lil dan is-settur jilqa’ għall-isfidi partikolari li jħabbat wiċċu magħhom. Dan għamlu billi żamm kuntatt u kollaborazzjoni sħiħa ma’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, li wkoll kienet twaqqfet fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex aktar minn għaxar snin ilu. Iż-żieda fin-numru ta’ Maltin, li bdew jagħżlu lil Għawdex bħala destinazzjoni biex iqattgħu btajjel qosra matul tmiem il-ġimgħa, kienet dovuta għan-numru ta’ inizjattivi li ġew meħuda minn bosta entitajiet flimkien mal-Gvern, fi sforz kollettiv li llum ta riżultat pożittiv. Il-Kampanja ‘Neħduk Għawdex’ għandha potenzjal qawwi biex tkompli testendi n-numru ta’ dawk li jżuru Għawdex matul il-ġimġħa, u għalhekk ser tkun effettiva biex jiżdiedu l-figuri relatati man-numru ta’ ljieli li turisti Maltin iqattgħu ġewwa stabbilimenti turistiċi Għawdxin. Il-Ministru awgurat li din il-kampanja tkompli mas-suċċessi miksuba minn inizjattivi oħra bħall-iskemi tal-Gozo Channel, il-pubblikazzjoni Let’s Gozo, it-twaqqif ta’ billboards li jirreklamaw lil Għawdex f’postijiet strateġiċi f’Malta kif ukoll bosta attivitajiet organizzati permezz tal-Gozo Attractions Incentive Scheme.
F’kelmtejn, is-SegretarjuParlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Dr Mario de Marco sostna li din l-iskema hija eżempju ċar ta’ kif nitrattaw ‘l Għawdex bħala destinazzjoni turistika għaliha. Huwa rrefera għall-fatt li din l-inizjattiva se timmassimizza r-riżorsi eżistenti – kemm tas-sodod fil-lukandi fi żmien relattivament kwiet u kif ukoll ta’ attrazzjonijiet turistiċi u r-restoranti. Dr de Marco tkellem ukoll dwar it-turiżmu domestiku li huwa wieħed ferm importanti għal kull pajjjiż. Fuq livell internazzjonali, l-industrija turistika tqis dak domestiku bħala turiżmu ftit aktar importanti minn dak internazzjonali. Fl-Ewropa, madwar 60% tal-overnight stays huwa dovut għat-turiżmu intern. Huwa rrefera wkoll għall-fatt li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, in-numru ta’ passiġġieri lejn Għawdex żdied b’aktar minn erbgħa fil-mija – jew aktar minn 130,000 – fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra; in-numru ta’ vetturi li nġarrew mill-Gozo Channel żdied ukoll b’ħamsa fil-mija u żdiedu l-vjaġġi bi kważi tnejn fil-mija. “Dan kollu jfisser li fi ftit anqas minn 10 snin, in-numru ta’ passiġġieri bejn Malta u Għawdex żdied bi kważi miljun f’sena (1999: 2,957,303 ; 2007: 3,795,121 ; 2008: Jan-Sep 3,138,605). Dan kollu għandu jġiegħlna naħsbu dwar l-importanza strateġika tat-turiżmu intern, anke għal pajjiż żgħir bħal Malta. It-turiżmu intern huwa wieħed kruċjali għal reġjun bħal Għawdex u skemi bħal dawn qed jippermettu lill-Maltin jesperjenzaw lil Għawdex b’mod differenti... forsi aktar kwiet imma b’valur kbir,” temm jgħid Dr de Marco.
Is-SegretarjuParlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said qal li din l-inizjattiva qed tittieħed sabiex tagħti l-opportunita`  lill-Kunsilli Lokali Maltin u l-Assoċċjazzjonijiet tal-Pensjonanti u Anzjani li jorganizzaw btajjel għall-anzjani f’Għawdex u fl-istess ħin minnha jgawdi s-settur tat-turiżmu f’Għawdex. Huwa fisser li ntgħażlu l-ġranet mit-Tnejn sal-Ħamis għaliex dawn huma ġranet relattivament kwieti fix-xhur tax-xitwa. Chris Said fisser il-ħidma li saret mill-Gozo Tourisim Association u l-Malta Tourism Authority biex flimkien ħarġu b’pakkett verament attraenti għall-anzjani. Dan il-pakkett jinkludi btala ta’ erbat ijiem f’Għawdex b’ kollox inkluż. Huwa ħeġġeġ lill-Kunsilliera preżenti responsabbli mill-qasam tal-anzjani fil-lokalitajiet tagħhom sabiex issa joffru din l-opportunita` lill-anzjani billi jorganizzaw gruppi u jeħduhom għal break ta’ erbat ijiem f’Għawdex. L-Onor. Chris Said irringrazzja lil kull min ta’ s-sehem tiegħu biex din l-inizjattiva qed tiġi varata fi ftit żmien minn meta nibtet l-ideja.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kurafil-Komunità Mario Galea qal li huwa fatt li l-anzjani llum qed jgħixu aktar. Il-medja ta’ l-età hija ta’ 77 sena għall-irġiel u 82 sena għan-nisa. Huwa kompla jgħid li sas-sena 2015 in-numru ta’ nies li jkollhom 65 sena jew aktar se jkun ta’ 77,000 u sas-sena 2050 dan se jitlà għal 100,000 elf ruħ. L-isfida tagħna hi l-anzjani għandhom jgħixu u mhux jeżistu. Għalhekk l-iskema bħal ‘Neħduk Għawdex’ hija inizjattiva tajba. L-Onor. Galea semma l-għadd kbir ta’ anzjani li għadhom attivi fis-soċjetà, li jgħinu b’mod volontarju fil-parroċċi, fil-kunsilli lokali u f’ħafna għaqdiet oħra. Imma fuq kollox, l-anzjani huma wkoll konsumaturi u qed jagħtu kontribut dirett lill-ekonomija tal-pajjiż. Huwa għalaq billi qal li b’din l-iskema ta’ ‘Neħduk Għawdex’ minbarra li l-anzjani tagħna se jmorru jieħdu gost, ikunu qed jagħtu kontribut dirett għall-ekonomija ta’ Għawdex.

Il-programm ta’ attivitajiet li ser jiġu organizzati fi ħdan il-kampanja ‘Neħduk Għawdex’ jinkludu żjarat f’postijiet ta’ interess kulturali, storiku, folkloristiku u reliġjuż f’Għawdex. Fost l-attrazzjonijiet prinċipali hemm is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, it-tempji tal-Ġgantija u ċ-Ċentru tas-Snajja’ f’Ta’ Dbieġi. Il-gruppi ser ikunu akkumpanjati minn group leader filwaqt li l-għażla ta’ akkomodazzjoni offruta tinkludi guesthouses u lukandi ta’ 3, 4, jew 5 stilel. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex fuq in-numru tat-telefon 2756 5171 jew bl-indirizz elettroniku gtagozo@onvol.net.    

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES  Maltese parliamentary delegation participates in the Inter-parliamentary conference on Stability, Economic Coordination and Governance in the EU

PR261983

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese parliamentary delega...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR261982en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow