Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI: IL-BAŻI LEGALI GĦALL-ISKEMI TA’ PARKEĠĠ RESIDENZJALI

pr1203
Date Icon 28/08/2008

L-impressjoni li tat sezzjoni ta’ l-istampa li m’hemmx bażi legali għall-iskemi ta’ parkeġġ residenzjali hi żbaljata.

L-iskemi ta’ parkeġġ residenzjali kollha li kienu sanzjonati mill-ADT għandhom bażi fil-liġi.

Din il-bażi tiġi minn tliet kunsiderazzjonijiet:

1.   Il-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jinkludu: “li jipproponi lil (...) kull awtorità kompetenti qabel ma l-awtorità kompetenti tagħmel xi tibdil fi skemi ta’ traffiku li jolqtu direttament il-lokalità“ (Kap. 363. Art. 33 (e)). Il-funzjonijiet ta’ l-ADT jinkludu: “li tippjana, tiddisinja, tirregola u tawtorizza s-sinjali jew tabelli tat-traffiku fit-toroq, marki fit-toroq u miżuri għall-ikkalmar tat-traffiku (... u ...) li tipprovdi u tirregola parkeġġi għall-vetturi bil-mutur f’postijiet pubbliċi u f’toroq”. (Kap. 332, Art. 4 (1) (g) u (h)).

Fuq din il-bażi il-Kunsilli Lokali għandhom il-jedd jipproponu dawn l-iskemi u l-iskemi jkollhom is-saħħa tal-liġi meta jkunu hekk awtorizzati mill-ADT.

2.   Ir-Regolamenti dwar is-Sinjali tat-Traffiku u l-Marki tal-Karreġġata (L.S.65.05) jorbtu lil “kull min ikun isuq jew ikollu l-kontroll ta’ vettura, jew ikun juża t-triq bħala pedestrian jew b’xi mod ieħor ... jikkonforma ruħu ma’ l-indikazzjoni mogħtija fis-sinjal jew marka skond it-tifsira mogħtija fl-(...i)Skeda (mehmuża mar-Regolamenti).” (Art. 2). L-iskeda tipprovdi għal “pjanċi spjegattivi (li) jistgħu jillimitaw id-dewmien ta’ parkjar jew il-ħinijiet ta’ parkjar awtorizzat kif ukoll jispeċifikaw il-kategoriji ta’ vetturi permessi jew le. F’dawk il-lokalitajiet il-vetturi għandhom ikunu ipparkjati f’parking bays, fejn ikun hemm.” (Taqsima III – Sezzjoni B (a)).

Fuq din il-bażi is-sinjali tat-traffiku u l-parking bays immarkati li ddaħħlu fuq il-bażi ta’ l-ewwel punt imsemmi hawn jistgħu fuq din il-bażi jeskludu lil min m’hux resident u jillimitaw il-parkeġġ għal limitu ta’ ħin kif fil-fatt jagħmlu.

3.      Ir-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur (L.S.65.11) jgħidu li “ħadd ma għandu, ħlief jekk ma jiġix ordnat jagħmel xort’oħra minn uffiċjal tal-Pulizija jew minn gwardjan lokali, jipparkja jew jħalli waħedha xi vettura bil-mutur jew trailer (…) f’kull post fejn sinjali proprji tat-triq kif indikati fir-Regolamenti dwar is-Sinjali tat-Traffiku u l-Marki tal-Karreġġata jkunu juru li ma jistax isir ipparkjar”. (Art. 79 (e)).

Fuq din il-bażi min ma jobdix tabelli spjegattivi li jgħidu li min m’hux resident ma jistax jipparkja għal aktar min ċertu ħin ikun qed jikser dan ir-Regolament.

4.      It-Tieni Skeda ta’ l-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku (Kap. 65) tistabilixxi multa ta’ €23.29 għal kull “ipparkjar jew stennija jew waqfien f’postijiet ipprojbiti”.

Fuq din il-bażi kull min jinstab ħati li ma obdiex tabelli spjegattivi li jgħidu li min m’hux resident ma jistax jipparkja għal aktar minn ċertu ħin jista’ jkun immultat €23.29.

Hu minnu li xi Kunsilli Lokali introduċew skemi mingħajr ma kellhom il-poter li jagħmlu dan. L-Awtorità dwar it-Trasport tirregola dawn l-iskemi u tieħu azzjoni biex skemi ta’ traffiku u parkeġġ li ma tawtorizzax hi jitneħħew. Iżda rapporti f’sezzjoni ta’ l-istampa qalu li huma biss l-iskemi fir-Rabat Għawdex u l-Fontana li huma koperti bil-liġi. Dan m’hux minnu.

Il-lokalitajiet li ġejjin għandhom skemi ta’ parkeġġ residenzjali skond il-liġi: Mellieħa, Pietà, Ħamrun, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Floriana, Mosta, Rabat Għawdex, Fontana, Sliema, Iklien, Swieqi, Msida, San Ġiljan, Naxxar, Santa Venera, Balzan, Birgu and Ta’ Xbiex.

Nifhmu li xi Tribunali Lokali ddeċidew kontra każi li ressqu Kunsilli Lokali jew il-Pulizija kontra persuni li m’obdewx tabelli f’żoni ta’ parkeġġ residenzjali apparentement fuq il-bażi ta’ sentenza tal-Qorti li suppost sabet li dawn l-iskemi huma “diskriminatorji u allura illegali”. Dan hu qari żbaljat tas-sentenza fil-każ Maria Victoria u Joseph konjugi Borg kontra Sindku u Segretarju Eżekuttiv in rappreżentanza tal-Kunsill Lokali Pietà.

Il-Qorti ma kinitx intalbet tiddeċiedi jekk dawn l-iskemi kienux diskrimintaorji jew le iżda jekk il-Kunsill Lokali kellux il-poter bil-liġi li jdaħħal dawn l-iskemi waħdu. L-ADT ma tikkontestax il-fatt li ebda skema ta’ parkeġġ residenzjali m’hi legali sakemm m’hix awtorizzata minnha għax hi l-ADT li għandha l-poter tawtorizza dawn l-iskemi u l-Kunsilli għandhom biss il-funzjoni jipproponuhom. Il-kummenti li l-Qorti ddeċidiet li żżid mas-sentenza huma kummenti li ma jippreġudikawx l-istat legali ta’ dawn l-iskemi jew lill-Awtorità li għandha l-poter legali li tawtorizzahom.

L-iskemi kollha fil-lokalitajiet imsemmijja hawn fuq se jkomplu jiġu infurzati skond il-liġi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €12-il miljun f’lukanda oħra ta’ lussu

PR261975

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jinħatar Viċi President tas-CPMR għall-Affarijiet Marittimi

PR261974

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Ministru għal Għawdex Clint Camil...

More Press Releases Right arrow