Left arrow Go Back

DISKORS MILL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT, L-ONOR DOLORES CRISTINA: Laqgħa mal-Esperti tal-Proċess ta’ Bologna - Sala Maurice DeMarco, EUPA, 27 ta’ Awwissu 2008

pr1198
Date Icon 27/08/2008
Laqgħa mal-Espertital-Proċess ta’ Bologna
Sala Maurice DeMarco,EUPA, 27 ta’ Awwissu 2008

Sinjuri  

Hu ta’ pjaċirgħalija li niltaqa’ magħkom għall-ewwel darba bħala l-grupp ta’ Esperti dwar il-Proċess Bologna. Grazzi talli lqajtu l-istedina tiegħi li tiffurmaw dan il-grupp biex b’hekk Malta tkun tista’ tkompli tieħu sehem fil-Proċess ta’ Bologna.
Kif tafu, fl-UnjoniEwropea hemm tlett proċessi importanti ferm għall-edukazzjoni, partikolarment għal dik li hi Edukazzjoni Ogħla.
Il-Proċess ta’Bologna, li beda ma’ l-iffirmar tad-Dikjarzzjoni ta’ Bologna fis-19 ta’ Ġunju 1999, hu proċess li qed iwassal biex l-Edukazzjoni Ogħla fil-pajjiżi kollha msieħba f’dan il-proċess (li kienu 29 – fosthom Malta fis-sena 1999 u li llum huma 46) timxi fuq linji gwida komuni għall-pajjiżi kollha b’hekk twassal għal armonija istituzzjonali bejn l-Universitajiet u Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla.
Il-proċess ta’ Lisbona li beda fis-sena2000, ta lil pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea direzzjoni ċara fejn l-Edukazzjoni Ogħla għandha twassal lil dawk li jiggradwaw, jiġifieri għal xogħol sostenibbli u ta’ kwalita’.
Ma’ dawniż-żewġ proċessi hemm ukoll il-Proċess ta’ Kopenhagen li nbeda fis-sena 2002 u ħaseb biex dak li għamel il-Proċess ta’ Bologna għall-Edukazzjoni Universitarja, jseħħ ukoll għall-edukazzjoni Vokazzjonali u Professjonali.
Malta ħadetsehem fit-tlett proċessi mill-bidu nett tagħhom u l-Gvern Malti dejjem fassal il-politika edukattiva biex jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dawn il-proċessi.
Għalhekk huta’ sodisfazzjon għalija li nara inizjattiva bħal din tal-lum li tkompli ssaħħaħ l-istrutturi tagħna fl-Edukazzjoni Ogħla tal-pajjiż.
Jekk wieħedjifli l-bidu tal-Proċess ta’ Bologna u l-laqgħat Ministerjali li saru mill-1999 sallum, insibu li hemm ħames sfidi li l-pajjiżi msiehba f’dan il-proċess qed jaħdmu għalihom.

Dawn huma: 

1.            sistema ta’ lawrji li tkun ibbażata fuq tlett ċikli  

2.            sistema ta’ credits biex tgħin il-mobilita’ ta’ l-istudenti  

3.            sistema ta’ kwalita’ fit-tagħlim, fl-istrutturi u fis-servizzi ta’ l-istudenti  

4.            sistema ta’ riċerka li twassal għal żvilupp sostenibbli 

5.            dimensjoni Ewropea fl-Edukazzjoni Ogħla partikolarment fil-programmi edukattivi, fil-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, fil-mobilita,’ kif ukoll fir-riċerka u t-taħriġ. 

Hu f’dan l-isfond li dan il-Grupp ta’ Esperti irid jassigura li fil-programm tiegħu għas-sentejn li ġejjin iħares ‘l hin mis-sena 2010 u jindirrizza l-Edukazzjoni Ogħla (li tkopri kemm dik fl-Universitajiet kif ukoll fl-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla – bħal ngħidu aħna l-MCAST jew ITS f’Malta) lejn tlett funzjonijiet prinċipali: 

  • l-ewwelnet li l-Edukazzjoni Ogħla tixpruna l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż permezz tat-taħriġ u r-riċerka
  • it-tieni, li l-Edukazzjoni Ogħla tpoġġi fid-dinja tax-xogħol individwi li daħlu fil-proċess ta’ edukazzjoni tul il-ħajja u għalhekk huma lesti għall-isfidi li qed iġibu b’mod kontinwu u sistematiku x-xjenza, t-teknoloġija u l-informatika
  • it-tielet, li l-Edukazzjoni Ogħla għandu jkollha dimensjoni soċjali li permezz tagħha tagħti aċċess għat-tagħlim, progress minn livell għall-ieħor, waqt it-tagħlim u suċċess fit-tmiem tal-process edukattiv. 

F’dan il-proċess irridu nżommu quddiem għajnejna l-importanza ta’ l-impjegabbilita’ f’suq tax-xogħol li qed jinbidel kontinwament u f’ekonomiji li qed jsiru aktar u aktar kompettitivi. Nemmen li pajjiżna irid irawwem individwi li jkollhom il-ħiliet bażiċi meħtieġa fosthom il-ħiliet u l-kompetenzi fl-informatika u lesti li jkomplu jitgħallmu weħidhom u b’mod sistematiku.  

Irridu wkoll nassiguraw li l-Edukazzjoni Ogħla tkun ta’ attrazzjoni għal dawk li ħerġin mill-edukazzjoni obbligatorja. Aħna konxji li d-dinja tax-xogħol illum u partikolarment dik ta’ għada tinħtieġ nies imħarrġa sewwa, individwi li jibqgħu fis-sistema edukattiva u li jaraw l-Edukazzjoni Ogħla bħala punt ta’ riferiment għall-impjegabilita’ tagħhom.  

F’dan il-kuntest jinħtieġ ukoll li naraw li bħala sistema edukattiva: 

  • nagħtu valur għat-tagħlim kollu li wieħed jakkwista u nagħtu aċċess għat-tagħlim formali fl-edukazzjoni Ogħla fuq il-valur tat-tagħlim informali u mhux formali;
  • inkomplu nħarsu lejn l-maturita’ ta’ l-individwu bħala punt ta’ aċċess għat-tagħlim (kif qed tagħmel l-Universita’ ta’ Malta f’diversi programmi ta’ tagħlim li wara jwasslu għal lawrji)
  • inkomplu nsaħħu t-tagħlim tal-ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni obbligatorja u nassiguraw li l-ebda individwu ma joħroġ minn din l-esperjenza b’togħma morra imma bl-entusjażmu li jkompli jitgħallem
  • inkunu aktar flessibbli fir-rikonoxximent tat-tagħlim fl-Edukazzjoni Ogħla liema rikkonoxximent irid ikompli jkun nibni fuq kooperazzjoni internazzjonali imma wkoll fuq il-kwalita’ tat-tagħlim fih innifsu u l-kwalita’ tal-kwalifika.

Il-Gveru Malti jħares lejn l-Edukazzjoni Ogħla bħala l-fus li fuqu għandu jinbena il-futur ta’ dan il-pajjiż. L-investiment li qed jagħmel il-Gvern biex isaħħaħ l-Universita’ ta’ Malta, biex jibni mill-ġdid l-MCAST, biex itejjeb il-kwalita’ u l-istrutturi ta’ l-Istitut għall-Istudji Turistiċi kif ukoll ir-rikkonoxximent ta’ l-istituzzjonijiet privati ta’ Edukazzjoni Ogħla huma indikaturi ta’ proċess nazzjonali li għandu jwassal biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem nett fit-tagħlim u t-taħriġ.  

Ma’ dan l-iżvilupp nsemmi ukoll it-twaqqif tal-Kummissjoni ta’ Edukazzjoni Ogħla li għandha l-iskop prinżipali li permezz ta’ riċerka, konsultazzjoni u verifika tassigura li l-istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati fil-pajjiż, ikunu ta’ livell għoli fit-tagħlim u fl-infrastruttura tagħhom.    

Bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni jiena nħares lejn il-proċess edukattiv bħala servizz soċjali li kull individwu għandu jkollu mhux biss aċċess għalih iżda ukoll il-mezzi biex dan iwasslu għall-izvilupp sħiħ tiegħu.  

Pajjiżna għandu biex jiftaħar bil-kapaċitajiet fir-riżorsi umani tagħna. L-isfida li jmiss hi li nwessgħu dan il-grupp ta’ nies biex b’hekk il-pajjiż isib il-ħiliet u l-kompetenzi li meħtieġa biex ikompli jagħmel kisbiet ekonomiċi sostennibli u fuq medda ta’ żmien twil kemm jista’ jkun. 

Hu għalhekk ta’ soddisfazzjon għalija li nara dan il-grupp jaħdem f’din id-direzzjoni permezz ta’ l-attivitajiet li jfassal u li huma ffinanzjati sostanzjalment mill-Kummissjoni Ewropea (madwar €50,000) għal perjodu bejn illum u ir-Rebbiegħa tas-sena li ġejja. Fost l-attivitajiet li hemm ippjanati nħoss li dawk li se jsiru fl-Universita’ ta’ Malta, fl-MCAST u fl-ITS għandu jkollhom appoġġ sħiħ minn dawn l-istituzzjonijiet.  

Ħadt ukoll gost nara li waħda mill-attivitajiet li se jsiru se tiġbor fiha esperti tal-Proċess ta’ Bologna mill-pajjiżi tal-Mediterran biex b’hekk insaħħu d-dimensjoni Ewro-Mediterranja ta’ pajjiżna u tal-ġirien tagħna. 

F’April tas-sena d-dieħla imiss il-ħames laqgħa fil-Proċess ta’ Bologna tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni. Malta hi minn ta’ quddiemnett fil-proċess ta’ riforma li l-Edukazzjoni Ogħla tinħtieġ biex pajjiż isir u jibqa’ kompettitiv filwaqt li jħares lejn id-dimensjoni soċjali bħala kejl għall-aċċessibilita’ u t-tagħlim għall kulħadd.    

Nemmen li dan il-Grupp se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fil-Proċess ta’ Bologna biex b’hekk il-miri ekonomiċi ta’ pajjiżna jissarfu fi struttura soċjali li minnha kull individwu (safejn hu possibli) jingħata l-appoġġ u l-mezzi sħaħ biex iħares lejn it-tagħlim bħala avventura sabiħa u fl-istess ħin neċessarja għal-kwalita’ tal-ħajja tiegħu.  

Fl-aħħarnett nawgura li r-rwol tagħkom jissarraf fl-istituzzjonijiet li qed tirrappreżentaw b’mod konkret u dirett biex aktar u aktar studenti jifhmu li l-proċess politiku ta’ Bologna qiegħed hemm biex l-Edukazzjoni Ogħla tissarraf f’opportunitaijiet ġodda ta’ tagħlim, ta’ skambji u ta’ proġetti li minn xtutna jeħduna fil-qalbha taċ-ċivilta’ u l-kulturi Ewropej.  

Nixtieq fl-aħħarnett nirringrazzja lil EUPA (Aġenzija tal-Programmi ta’ l-Unjoni Ewropea) għall-appoġġ li qed tagħti lil dan il-Grupp u l-attivitajiet tagħhom.  

Nawguralkom suċċess.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €12-il miljun f’lukanda oħra ta’ lussu

PR261975

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jinħatar Viċi President tas-CPMR għall-Affarijiet Marittimi

PR261974

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Ministru għal Għawdex Clint Camil...

More Press Releases Right arrow