L-Ambaxxatur Malti għall-Kuwajt jippreżenta l-kredenzjali
Godwin Montanaro, l-Ambaxxatur mhux residenti ta’ Malta għall-Kuwajt ippreżenta l-kredenzjali tal-ħatra tiegħu lill-Altezza Tiegħu l-Emir Sheikh Sabah Al-Ahmad Al-Jaber Al-Sabah u wara kien introdott lill-diversi Ministri tal-Gvern tal-Kuwajt.
L-Ambaxxatur Montanaro wassal lill-Altezza Tiegħu, lill-Gvern u lill-poplu tal-Kuwajt, l-isbaħ xewqat u t-tislijiet tal-President Fenech Adami, il-Prim Ministru, il-Gvern u l-poplu ta’ Malta.
Waqt laqgħa qasira mal-President tal-Kuwait u Ministri oħra tal-Gvern, l-Ambaxxatur Montanaro wiegħed li se jagħmel ħiltu biex ikompli jtejjeb ir-relazzjonijiet diġa’ tajba li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Id-diskussjonijiet ittrattaw l-oqsma tal-kummerċ, opportunitajiet ta’ investiment, is-saħħa, it-turiżmu u t-tarznari. Saru wkoll skambji dwar il-qasam edukattiv u l-Universita’ ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kuwajt wiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu biex jitjiebu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi u talab lill-Ambaxxatur Malti biex iwassal l-isbaħ xewqat tiegħu u tal-poplu tal-Kuwajt lill-President, il-Prim Ministru u lill-poplu ħabib Malti.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965