Left arrow Go Back

Il-Ministru Louis Galea jwieĠeb lill-Kap ta’ l-Oppozizzjoni

PR0888
Date Icon 14/06/2007

“Ir-reazzjoni tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u tal-media Laburista għall-istqarrija tiegħi fis-Seduta tal-Parlament ta’ nhar it-Tlieta li għaddew, tikkonferma li wieħed mill-prinċipji ta’ l-istrateġija u t-tattika Laburista kien u hu, li bla skrupli u b’dispett totali għall-fatti u l-verità, tuża t-tgħawwiġ tal-fatti u n-nofs veritajiet, il-misinformazzjoni, il-kwotazzjonijiet barra mill-kuntest, u l-gideb, u dan kollu b’mod ripetittiv u ta’ brainwashing, bl-iskop li tikseb il-voti u l-poter. Dan kollu Dr Alfred Sant darba ġabru fi kliem sempliċi meta qal li għall-voti jekk hemm bżonn anke għand ix-xitan imur.”

“Wara li Dr Alfred Sant nhar it-Tnejn li għaddew għamel aġġornament fil-Parlament, b’sensiela ta’ allegazzjonijiet fil-konfront ta’ diversi membri tal-Gvern, li ripetutament ġew miċħuda jew spjegati, l-għada jien għamilt stqarrija fil-Parlament. Għal dan, Alfred Sant wieġeb b’konferenza stampa l-bieraħ filgħodu, u rrepeta l-istess diskors filgħaxija fl-aġġornament tal-Parlament.” 

“Dawn huma l-kummenti tiegħi: 

A)Niċċara l-kwestjoni li nqalgħet bl-użu tal-kelma ‘nażista’:
1)Fl-ebda stadju jien ma rreferejt għal Dr Sant bħala persuna nażista. Għidt li t-tattika ta’ kampanja kontra politiċi b’ripetizzjoni ta’ allegazzjonijiet miċħuda u ppruvati li mhux vera, u t-tgħawwiġ kontinwu tal-verità,  hija “tattika nażista”.
2)Mhux veru li l-Speaker tal-Kamra ma intervjenix. Fuq Point of Order imqajjem minn Membru ta’ l-Oppożizzjoni, l-Speaker insista biex jintuza l-lingwaġġ parlamentari u jien għamiltha ċara li bl-ebda mod ma rrid niftiehem li qed nalludi għal Dr Sant, bħala persuna b’tendenzi nażisti.
3)Biex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim u għal kull buon fini, jien m’għandi l-ebda diffikultà li pubblikament nirtira l-kelma ‘nażista’ li qatt ma kienet użata jew maħsuba fil-konfront tal-persuna ta’ Dr Sant. Hemm differenza kbira li tiddeskrivi tattika, għal li tgħajjar li xi ħadd hu “nażist”; kif għamel Dr Sant fil-Parlament. Il-prinċipju hu li jekk hemm żewġ affarijiet meqjusa ħżiena, dawn qatt ma jagħmlu ħaġa tajba. U allura jekk Dr Sant jemmen li hu ħażin li jien semmejt il-kelma ‘nażista’ fil-konfront tat-tattika użata, hu aktar ħażin u żbaljat id-diskors tiegħu fil-Parlament il-bieraħ, fejn hu qal li ‘Louis Galea hu nażist’. Peress li jien għandi fiduċja sħiħa fil-ġudizzju tal-poplu Malti u Għawdxi, mhux beħsiebni nuża l-proċedura Parlamentari kif għandi dritt, biex jittieħdu l-passi meħtieġa kontra Dr Sant. Inħalli biss lill-poplu jiġġudika l-irġulija ta’ Dr Sant.

B)   Dan kollu ma jbiddel xejn mill-qofol ta’ l-argument tiegħi, li Dr Alfred Sant bħala l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u tal-Partit Laburista, u l-media Laburista b’mod orkestrat, jimxu bit-tattika li biex jiskreditaw lill-Gvern u l-Partit Nazzjonalista, jirrikorru sistematikament għall-kampanji ta’  tgħawwiġ ta’ fatti u nofs veritajiet, misinformazzjoni, kwotazzjonijiet barra mill-kuntest, u gideb; bl-iskop ewlieni tal-ksib ta’ voti u poter. Waħda mill-konsegwenzi ta’ din it-tattika hi t-tentattiv ta’ l-assassinju u l-vilifikazzjoni tal-karattru tal-politiku jew tal-persuna konċernata.  

Insaqsi :

1)   Huwa veru jew le, li Dr Alfred Sant, minn kemm ilu Kap tal-Partit Laburista, bl-orkestrazzjoni tal-media tiegħu, konsistentement u b’mod distruttiv iħaddem din it-tattika fl-istrateġija politika?

2)   Huwa veru jew le, li għal skopijiet purament partiġġjani, bħala sistema ta’ kondotta fil-politika, dawn m’għandhom l-ebda rispett għall-verità u l-eżami oġġettiv tal-fatti?

3)   Huwa veru jew le, li diversi drabi nstabu ħatja mill-Qrati Maltin ta’ inġurja, malafama u libell, kommessi f’dawn il-kampanji ta’ allegazzjonijiet u ġew immultati eluf kbar ta’ liri? 

C)Dwar il-każ hekk imsejjaħ ‘ta’ l-Awziljarji’, l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jibqa` jgħawweġ il-fatti biex iwettaq it-tattika u l-istrateġija msemmija. Diġa` weġibt il-bieraħ. Dan il-każ ta’ ħmistax il-sena ilu ġie nvestigat bir-reqqa u l-konkluzjoni kienet li ma kien hemm l-anqas l-iċken ħjiel ta’ korruzzjoni. Tant hu hekk li meta tela` fil-Gvern Alfred Sant u l-Partit Laburista, minkejja l-isforzi kollha biex isibu xi ħaġa u jsallbu lil xi ħadd, baqgħu qatt ma ħadu l-ebda passi la kontra tiegħi u lanqas kontra xi persuna oħra msemmija fil-kampanja partiġjana ta’ snin sħaħ ta’ allegazzjonijiet u tfiegħ ta’ tajn.
D)L-istess dwar il-każ tal-FTS imqanqal aktar minn erbgħa snin ilu. Il-każ ġie strumentalizzat skond it-tattika u l-istrateġija diġa msemmija. Il-konkluzjoni hi li mkien ma rriżulta, lil xi awtorità kompetenti, li jien inqast f’xi ħaġa jew li fejn kien il-każ ta’ xi nuqqas da parti ta’ xi persuna oħra ma ttieħdux l-passi meħtieġa.  Mill-bqija l-FTS irrivoluzzjonat il-mod li bih insolvu l-bżonn ta’ uliedna għal aktar skejjel u skejjel sbieħ u moderni.
E)L-argument jibqa`: Dr Alfred Sant bħala l-Kap ta’ l-Oppozizzjoni u tal-Partit Laburista, u l-media Laburista b’mod orkestrat, jimxu bit-tattika li,  biex jiskreditaw lill-Gvern u l-Partit Nazzjonalista, jirrikorru sistematikament għall-kampanji ta’ tgħawwiġ ta’ fatti u nofs veritajiet, misinformazzjoni, kwotazzjonijiet barra mill-kuntest, u gideb, bl-iskop ewlieni tal-ksib ta’ voti u poter.  Din it-tattika issir wisq aktar anti-demokratika, inġusta, u kontra kull prinċipju ta’ fair play, meta l-media Laburista konsistentement tiċċensura t-tweġibiet tal-membri tal-Gvern billi jew ma ġġib xejn, kif għamlet fil-każ ta’ l-istqarrija tiegħi tal-bieraħ wara nofs in-nhar, jew, agħar minn hekk, timmanipola u tqasqas it-tweġibiet u l-kummenti tagħna, bl-aktar manjera diżonesta immaġinabbli.

1.       Huwa veru li l-media tal-Partit Laburista konsistentement timxi b’dan il-mod?

2.       Hija demokratika din it-tattika u strateġija?

3.       Hija ta’ perikolu għat-tmexxija ta’ pajjiż u l-poplu tiegħu?

4.       Nafu b’reġimi totalitarji li jħaddmu din it-tattika ta’ brainwashing? 

Issa nħalli f’idejn il-poplu jirrifletti u jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet u oħrajn, u jasal hu għall-konkluzjoni kif jiddeskrivi din it-tattika u strateġija. 

F)Bl-ebda mod ma rrid niftiehem li m’hemmx x’tirranġa fil-mod kif timxi l-media nazzjonalista, anke jekk il-media nazzjonalista hi bil-bosta aktar moderata, oġġettiva u ‘fair’ f’dan il-kuntest. U dan iqanqal il-kwestjoni, mhix soġġett ta’ din il-kontroversja, tal-bżonn ta’ eżami fil-fond tal-media kollha f’Malta, speċjalment il-media tal-partiti politiċi.
G)Dwar il-kwestjoni tal-mażżra ma’ għonq xi ħadd li rrefera għaliha Alfred Sant fil-Parlament, nissuġġerilu jħares fil-mera u għal darba, jara l-verità ta’ x’mażżra hu ma’ għonq il-Partit Laburista, u x’mażżra agħar jista` jerġa` jkun ma’ għonq pajjiżna, jekk imissna l-isfortuna li jerġa` jkun fil-Gvern.”
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow