Left arrow Go Back

Pjan dettaljat gĦas-setturi tal-Biedja u s-Sajd

PR0878
Date Icon 13/06/2007

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jiċħad bil-qawwa kollha xi forma ta’ negliġenza minn naħa ta’ l-istess Ministeru kif qed jallega l-kelliem ta’ l-Oppozizzjoni għall-Biedja u s-Sajd, l-Onor. Noel Farrugia.

Hija abitudni ta’ l-Oppozizzjoni Laburista li dejjem tpinġi kollox iswed u li kollox sejjer ħażin fis-setturi tal-Biedja u s-Sajd. Il-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda jafu tajjeb li l-gvern qed jaħdem qatiegħ biex dawn is-setturi jimxu l-quddiem. Dan hu eżatt bil-kontra ta’ l-Oppozizzjoni Laburista li dejjem tikkritika mingħajr ma tipproponi jew tfassal xi forma ta’ struttura li tista’ tkun ta’ għajnuna għal dawn is-setturi.

Bil-kontra ta’ dak li kien allegat, il-waqfien temporanju tal-linja tal-majjal kienet ikkawżata minn ħsara mekkanika li jgħaddi minnha kull apparat. Din il-ħsara waqfet il-qatla għal ftit minuti nhar l-Erbgħa 6 ta’ Ġunju, liema qatla tkompliet normali ftit tal-ħin wara. Biex issewwiet din il-ħsara ma kien hemm l-ebda dewmien, tant li l-ħsarat ġew imsewwija nhar il-Ħamis 7 ta’ Ġunju minkejja li kienet festa pubblika, biex b’hekk il-qatla setgħet tkompli l-għada. 

Il-kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Biedja u s-Sajd għal darb’oħra reġa nfexx f’attakk fuq materja li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kemm il-darba ta spjegazzjoni u tweġiba.  Il-kelliem Noel Farrugia minn żmien għal żmien jiftakar fuq dak li jkun semma drabi oħra, inkluż fil-Parlament.   

Il-Ministeru jerġa’ jtenni li l-pjanijiet għal Cutting and Deboning Plant ġew integrati fl-upgrading ġenerali li qed issir fil-biċċerija, fejn il-bidliet jinkludu bidliet strutturali.  Dawn ix-xogħlijiet qed isiru fuq bażi ta’ pjan b’kollaborazzjoni mal-kooperattivi u operaturi oħra.  Wieħed irid japprezza li llum bit-tmexxija l-ġdida li hemm fil-biċċerija, filwaqt li hemm impenn sħiħ għal dawn il-bidliet strutturali, dan kollu qed issir wara numru kbir ta’ snin fejn l-operat tal-biċċerija kien taħt direzzjoni b’mentalita’ u attitudni għal kollox differenti minn dik tal-lum.   

L-Onor. Noel Farrugia reġa’ semma l-inċineratur, liema inċineratur qed isirulu tibdiliet biex ikun jista’ jilqa’ skart kliniku. Dan qed isir biex l-ispejjeż ta’ l-operat tiegħu jitnaqqsu u kif ukoll biex jiġi evitat li jinbena inċineratur ieħor għall-isptarijiet.   

Fir-rigward tal-Boarder Inspection Post ta’ l-ajruport, kif ġie spjegat kemm il-darba, dan is-servizz qed jingħata minn bini ieħor sakemm tingħata l-approvazzjoni mill-Unjoni Ewropea għal post il-ġdid.

 Il-Kelliem ta’ l-Oppozizzjoni Noel Farrugia għoġbu jżeffen fin-nofs isem ta’ individwu li rriżenja mill-kariga u wasal għall-konkluzjonijiet tiegħu fuq din ir-riżenja.  Iċ-ċaqlieq ta’ uffiċjali isir minħabba diversi raġunijiet, inkluż riżenji għal raġunijiet personali, promozzjonijiet, opportunitajiet ta’ postijiet tax-xogħol aħjar mal-gvern u fil-privat jew barra minn Malta. Grazzi għal fatt li Malta għażlet li tkun membru tal-Unjoni Ewropea, din illum hi ħaġa normali għax dawn l-opportunitajiet immultiplikaw.  

Fir-rigward tal-Pixkerija, kien hemm ħsara li żviluppat fil-condenser kif ukoll wieħed mill-kompressuri. Ittieħdet l-azzjoni neċessarji billi dawn iż-żewġ apparati kellhom jinbidlu. 

Iktar milli “telqa” kif qed jallega l-kelliem ta’ l-Oppozizzjoni, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għandu pjan dettaljat ta’ azzjoni li diġa qed jiġi mplimentat. Dan il-pjan hu intiż li jindirizza u jkompli jtejjeb b’mod speċifiku  l-ħarsien ta’ l-annimali, l-istandards ta’ l-iġjene kif ukoll iktar titjib strutturali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow