25 jum ta’ arti, mużika u divertiment
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-Festival ta’ l-Arti ‘Malta Arts Festival – Sajf 2007’, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech waqt konferenza għall-istampa fil-Barrakka ta’ Fuq. Il-parti l-kbira ta’ l-attivitajiet se jkunu organizzati fis-sit tat-Teatru Rjal u fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali.
Il-Festival ta’ din is-sena ser jinqasam fuq 25 jum, bl-inawgurazzjoni ta’ wirja dwar Caravaggio “Quoting Caravaggio” fil-Barrakka ta’ Fuq nhar il-Erbgħa 25 ta’ Lulju. Il-Festival jintemm is-Sibt 18 ta’ Awissu b’film Eġizzjan f’St. James Cavalier, Guitar Recital mill-Ispanjol Carlos Bonell fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja u Jazz Fringe fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali.
Matul il-25 jum ta’ attivitajiet ser ikun hemm parteċipazzjoni minn talent Taljan, Brażiljan, mill-Istati Uniti, id-Danimarka, Spanja u l-Eġittu. Ser ikun hemm ukoll fost l-aqwa talent Malti b’Etnikafe, Spiteri Lucas, l-MADC, ensemble ta’ mużiċisti mill-Orkestra Nazzjonali flimkien mal-popolari Orchestra Goes Pop Concert li ser jittella’ fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Domenic Galea, Sandro Zerafa u Oliver Degabriele se jallegraw lil dawk kollha li jħobbu l-jazz. Simon Schembri, li hu bażat f’Pariġi, ser jagħti recitals bil-kitarra.
Fil-festival ser jieħdu sehem ukoll troupe ta’ 20 komiku Brażiljan, combo band mis-sitt flotta Amerikana, wirja speċjali ta’ komiċi għat-tfal, artisti Eġizzjani tal-mużika, poeżija u film, artisti Taljani li ser itellgħu workshop f’mural painting. Ser ikun hemm ukoll wirja ta’ arti kontemporanja minn ħames artisti Maltin bħala parti mill-programm għall-400 anniversarju ta’ Caravaggio. Kull nhar ta’ Ġimgħa ser jittella’ programm ta’ filgħaxija tal-‘BOV Streets Alive’ u l-iStrada nights.
Il-Ministru Zammit Dimech kompla jgħid illi “s-suċċess li kiseb l-Festival ta’ l-Arti s-sena li għaddiet xprunana biex din is-sena mhux biss nerġgħu norganizzawh iżda biex ikollna programm li jiġbor fih aktar attivitajiet u biex ikollna parteċipazzjoni wiesgħa ta’ talent Malti u talent barrani,” filwaqt li fakkar li dan il-festival jiġi organizzat fl-eqqel ta’ l-istaġun turistiku u li għalhekk minbarra li jiġi segwit ħafna mill-Maltin, ikollu wkoll parteċipazzjon minn turisti li jkunu fostna għall-vaganzi tagħhom. Hu qal li dan il-festival jikkontribwixxi biex pajjiżna jkompli jieħu l-isem ta’ destinazzjoni orjentata lejn attivitajiet li jiġu organizzati matul is-sena kollha.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-ħsieb wara d-deċiżjoni ta’ din is-sena li l-attivitajiet ewlenin jiġu organizzati fis-sit tat-Teatru Rjal u fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali kien li l-attivitajiet, filwaqt li kollha jsiru fil-kapitali, jkunu ftit ’il bogħod minn xulxin u b’hekk in-nies jitqassmu aħjar u biex bejn iż-żewġ siti jkunu jistgħu jittellgħu attivitajiet oħra, anke tul it-triq.
Is-Segretarju Paralmentari Tonio Fenech qal li din is-sena l-Ministeru tal-Finanzi, permezz tan-National Lotteries Good Causes Fund, ħass li għandu jipparteċipa wkoll f’dan l-avveniment li kien suċċess matul is-sajf li għadda. Tonio Fenech fakkar li l-attivitajiet kulturali jiffurmaw parti minn firxa ta’ attivitajiet li jiġu mgħejjuna minn dan il-Fond. Matul is-sena l-oħra tqassmu ’l fuq minn Lm60,000 lil organizzazzjonijiet li tellgħu attivitajiet kulturali.
Tonio Fenech qal li n-National Lotteries Good Causes Fund ser jikkontribwixxi ammont sostanzjali għal din l-attività għax jemmen li permezz tagħha, jista’ mhux biss jgħin f’attività kulturali, imma anke jgħin biex din tkun ta’ interess għall-pubbliku Malti u għat-turisti li jkunu qed iżuru pajjiżna fix-xahar li fih normalment wieħed jieqaf ftit għall-vaganzi tas-sajf.
Tonio Fenech fakkar ukoll li l-Gvern għen f’diversi attivitajiet oħra sabiex il-ħajja fil-Belt Valletta, kemm matul il-ġurnata, kif ukoll fil-ħinijiet ta’ filgħaxija terġa’ tiġi ġġenerata.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965