Left arrow Go Back

LIĠI ĠDIDA DWAR L-AMMINISTRAZZJONI PUBBLIKA: GĦALL-AĦJAR SERVIZZ TAL-PUBBLIKU

PR0862
Date Icon 11/06/2007

Matul din l-aħħar sena l-Gvern ta spinta fuq il-ħidma li kienet saret wara l-pubblikazzjoni tal-White PaperServizz Pubbliku għas-Seklu 21 pubblikata fit-30 ta’ Ottubru, 2003. Minbarra analiżi tal-kummenti u suġġerimenti li kienu tressqu mill-Kummissjoni dwar  is-Servizz Pubbliku, Unjons, Korpi Kostitwiti, Għaqdiet Volontarji, Uffiċjali Pubbliċi u individwi, il-Gvern wettaq diskussjoni dettaljata fil-Kabinett filwaqt li inkariga lis-Segretarju Prinċipali Permanenti biex iwettaq id-djalogu kollu li kien hemm bżonn mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.  

Issa l-Gvern qed jagħmel pass ieħor billi jippubblika Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att ta’ l-2007 dwar l-Amministrazzjoni Pubblika bl-iskop li jiftaħ id-diskussjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti fl-istadju tat-Tieni Qari. B’hekk mhux biss l-Oppożizzjoni jkollha l-opportunita` teżamina u tikkontribwixxi għall-proposti tal-Gvern iżda wkoll dawk kollha interessati, b’mod partikolari l-Unjons konċernati, jkollhom aktar opportunita` li jeżaminaw dawn il-proposti u jfissru fehemthom b’mod li l-Gvern ikun jista` jikkonsidra l-akbar firxa ta’ ideat qabel jgħaddi l-proċess parlamentari għall-istadju tal-Kumitat.  

Kif wieħed jista` faċilment jinnota l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika li qed nippreżentaw hu differenti sew mill-abbozz ta’ Att dwar is-Servizz Pubbliku li konna ippreżentajna bħala parti mill-White Paper. Dan jirrifletti sew kemm il-Gvern ikkonsidra bir-reqqa dak kollu li ntqal s’issa fuq is-suġġett minn dawk interessati kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet li l-iżviluppi l-ġodda qed iġibu magħhom, speċjalment is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 

Il-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin ħa diversi inizjattivi biex itejjeb il-kwalita` tas-servizz lill-poplu u lill-pajjiż li jagħtu d-Dipartimenti u d-diversi enti pubbliċi. Fosthom insibu: 

·        l-għoti ta’ servizzi elettroniċi permezz ta’ l-inizjattiva ta’ l-e-government

·        l-introduzzjoni ta’ diversi miżuri biex is-settur pubbliku joffri ambjent ta’ xogħol aktar family friendly għall-impjegati tiegħu

·        l-inizjattiva tal-better regulation, li permezz tagħha qed isir xogħol biex titnaqqas il-burokrazija, għall-benefiċċju sew tal-pubbliku u sew ta’ l-intrapriżi Maltin

·        tisħiħ tal-kontroll finanzjarju fl-entitajiet tas-settur pubbliku permezz tal-Financial Management and Monitoring Unit

·        miżuri biex jiġi regolat aħjar l-ingaġġ fis-settur pubbliku, li permezz tagħhom id-daqs tas-settur pubbliku naqas għall-inqas livell f’ħafna snin. 

Il-Gvern irid li mhux biss isostni dawn l-inizjattivi iżda wkoll iżid ir-ritmu tal-progress u l-kwalita` biex il-poplu jkun moqdi ħafna aħjar u l-attivita` soċjali, ekonomika u kulturali tal-poplu tagħna tkun appoġġjata bl-aħjar mod biex tagħti l-aqwa riżultati b’risq il-familja u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Hu għalhekk li l-Gvern qed jipproponi din il-liġi ġdida: Irridu servizzi pubbliċi li tassew iservu l-poplu. Irridu servizzi pubbliċi denji ta’ dan is-seklu gdid. Irridu settur pubbliku, u mhux biss Servizz Pubbliku, li hu aktar trasparenti, kontabbli, effiċjenti, b’valur għall-ispiża (value for money) u flessibbli. Fuq kollox irridu li kull min jaħdem fis-settur pubbliku ikun tassew għas-servizz tal-poplu kollu. Il-liġi tirrikonoxxi bħala impjegat pubbliku sew Uffiċjal Pubbliku (ħaddiem fiċ-Ċivil) kif ukoll impjegat fil-bqija tas-settur pubbliku u għalhekk l-isem ta’ l-abbozz inbidel minn Att dwar is-Servizz Pubbliku għal Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. 

Il-punti ewlenin ta’ l-Abbozz fil-qosor

·        L-Abbozz jirrikonoxxi, jirrispetta u jsaħħaħ l-indipendenza tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li hija mwaqqfa bil-Kostituzzjoni bl-iskop li tħares il-prinċipju tal-mertu fil-ħatriet u li tara li d-dixxiplina ssir b’mod ġust. L-abbozz jassoġġetta d-dħul fis-seħħ ta’ diversi provvedimenti għall-qbil tal-Kummissjoni u mal-funzjoni attwali li tagħtiha l-Kostituzzjoni jżidilha l-funzjoni ġdida ta’ Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Mertu għas-settur pubbliku kollu kemm hu bis-saħħa li tivverifika l-proċessi kollha ta’ ingaġġ ta’ impjegati f’aġenziji u entitajiet pubbliċi bid-dritt li tieħu miżuri ta’ rimedju fejn ikun il-kaz.

 ·        Kull min jaħdem fis-settur pubbliku f’xi Dipartiment, agenzija jew entita` tal-Gvern, ser ikun marbut b’Kodiċi ta’ Etika inkorporat fil-liġi u inforzabbli permezz ta’ dixxiplina. Kull min ikollu impjegati taħtu għandu responsabbilita` personali jassigura l-ħarsien ta’ dan il-Kodiċi mill-impjegati tiegħu. Sal-lum dan il-Kodiċi kien introdott b’deċiżjoni amministrattiva. Issa ser ikollu forza ta’ liġi u japplika għas-settur pubbliku kollu.

·        Fil-waqt li l-Gvern jinsisti li kull min qed jagħti servizz pubbliku u bi ħlas ta’ fondi pubbliċi, inkluż kull min qed jaħdem ma’ kuntratturi privati li jkunu qed jeżegwixxu kuntratti pubbliċi huwa obbligat li jagħmel dan b’effiċjenza, integrita` u lealta` għall-Gvern tal-ġurnata, il-Gvern irid ukoll li kull impjegat li jsir jaf b’fatti li huma pruvati ta’ ksur tal-liġi jew tal-kodiċi ta’ etika minn impjegat ieħor, għandu jħossu liberu li jkollu l-kuraġġ li jikxef dan il-ksur u jingħata l-protezzjoni meħtieġa.  Għalhekk, għall-ewwel darba, permezz ta’ dan l-Abbozz il-Gvern qed jaħseb li jinkariga lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex tagħti protezzjoni lil whistleblowers ġenwini li jiżvelaw ksur tal-liġi jew tal-Kodiċi ta’Etika.  

·        L-Abbozz fih sensiela ta’ provvedimenti komplimentari għall-provvedimenti tal-Kostituzzjoni dwar ir-responsabbilita` u l-ħidma tal-Ministri.  

·        L-Abbozz isaħħaħ it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku billi jiddefinixxi b’mod ċar ir-responsabbilita` u l-awtorita` tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, tas-Segretarji Permanenti u tal-Kapijiet tad-Dipartimenti.

 ·        Il-Kapijiet tad-Dipartimenti ser jingħataw aktar setgħat dwar it-tmexxija, dejjem taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Fl-istess ħin hi r-responsabbilita` ta’ Kapijiet ta’ Dipartiment li jiżviluppaw indikaturi għar-riżultati mistennija mill-programmi u l-ħidma tad-dipartimenti fdati lilhom.  

·        L-Abbozz żamm mad-direzzjoni tal-White Paper, ossia li jingħata aktar spazju għal setgħat u deċiżjoni mill-Kapijiet tad-Dipartimenti. Hu għalhekk li qed jiġi provdut delega aktar wiesa ta’ funzjonijiet lill-Kapijiet f’qafas ċentrali li jassigura l-kontroll tan-nefqa u uniformita` fil-kondizzjonijiet ta’ impieg mas-Servizz Pubbliku.

·        Għall-ewwel darba l-Abbozz jirregola t-twaqqif u l-ħidma ta’ aġenziji pubbliċi bħala organizazzjonijiet li jistgħu jagħtu servizz b’aktar flessibilita`. Biex ikun hemm aktar kontabilità, is-Segretarju Permanenti Ewlieni se kollu l-poter joħroġ linji gwida għall-aġenziji, li se jkunu soġġetti wkoll għas-superviżjoni tas-Segretarju Permanenti konċernat.  

·        L-abbozz jirritjeni s-sistema ta’ strutturi ta’ gradi għall-uffiċjali pubbliċi fis-Servizz Pubbliku.  Il-ħatriet ta’ uffiċjali fis-Servizz Pubbliku ser ikomplu jsiru bħal llum, sew fi gradi kif ukoll f’pożizzjoni maħsuba għal twettieq ta’ dmirijiet speċifiċi taħt kundizzjonijiet apposta għal dawk id-dmirijiet.  Inkarigu ta’ xi uffiċjal pubbliku f’xi pożizzjoni jibqa’ jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u min jiġi maħtur ikun konsidrat uffiċjal pubbliku għall-funzjonijiet kollha tal-liġi. 

Il-ħarsien u l-promozzjoni tal-ġid komuni huma l-qofol tar-raġuni għall-eżistenza ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Kull impjegat fis-settur pubbliku hu mistenni li jwettaq dan bit-tħaddim ta’ sensiela ta’ valuri: servizz imparzjali, kontabbli, effiċjenti u kompetenti fil-ħarsien tal-liġi u fis-servizz tas-soċjetà in ġenerali. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow