Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi dwar: “L-Użu ta’ Strumenti Ekonomiċi għall-Immaniġġjar Ambjentali: ngħarblu l-potenzjal ta’ miżuri fiskali u ambjentali sostenibbli” – San Ġiljan - 11 ta’ Ġunju 2007

PR0858
Date Icon 11/06/2007

Mistednin distinti, sinjuri 

Il-qagħda ekonomika dinjija qiegħda ssir ikkaratterizzata minn sfidi kumplessi u minsuġa flimkien fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli. Il-kisba ta’ tkabbir ekonomiku bi ħsara kbira għall-ambjent hija problema li qiegħda fuq quddiem nett tal-aġenda politika dinjija kif jixhed, fost l-oħrajn, id-dibattitu li għaddej fil-pajjiżi industrijalizzati l-kbar. 

It-tkabbir ekonomiku li jikkontribwixxi għall-ħsara ambjentali ma jistax jitqies bħala progress iżda bħala l-isparpaljar ta’ assi li jridu jservu fit-tul, u li fuqhom jiddependi l-għixien tal-umanita’, u dan sabiex jinkisbu vantaġġi finanzjarji fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, ma jagħmilx sens illi wieħed jaħseb fil-possibilita’ li jwaqqaf l-attivita’ u t-tkabbir ekonomiku. Ikun idejali jekk jirnexxielna nifirdu ż-żewġ aspetti tal-problema minn xulxin, fejn allura t-tkabbir ekonomiku mhux talli ma jħallix impatt negattiv fuq l-ambjent iżda, jekk jista’ jkun, jikkontribwixxi għall-preservazzjoni u t-titjib tiegħu. 

Il-problemi marbutin mal-kisba ta’ sitwazzjoni ideali bħal din huma mifhuma tajjeb. Filwaqt li l-produzzjoni ekonomika u d-dħul huma identifikabbli, u d-drittijiet fuqhom jistgħu jintrabtu ma’ persuni identifikabbli, ma jistax jingħad l-istess għall-assi ambjentali għaliex soċjetajiet sħaħ u l-komunita’ dinjija sħiħa tgawdi mill-benefiċċji tagħhom.  Għaldaqstant filwaqt li l-forzi tas-suq jixprunaw l-akbar produzzjoni ekonomika bl-anqas spejjeż possibbli, m’hemm l-ebda mekkaniżmu li jorbot l-ispejjeż li jirriżultaw minn ħsara ambjentali mal-attivitajiet ekonomiċi li jikkawżawha. 

Is-soluzzjonijiet għal din il-problema m’humiex faċli. Il-ħarsien tal-ambjent mill-pressjonijiet maħluqa mit-tkabbir ekonomiku jserraħ fuq erba’ mezzi u oqsma prinċipali ta’ politika. Dawn huma l-edukazzjoni, ir-regolamentazzjoni, l-investiment f’faċilitajiet ambjentali u l-użu ta’ strumenti ekonomiċi għall-immaniġġjar ambjentali. Kull mezz għandu xi aspetti sodi u dgħajfin tiegħu. Għalhekk huma mifhum illi l-immaniġġjar ambjentali li huwa kompatibbli mat-tkabbir ekonomiku jista’ jintlaħaq b’taħlita tajba ta’ dawn il-mezzi. Din it-taħlita hija riflessa fl-oqsma ta’ priorita’ li l-Gvern kien qiegħed jaħdem fuqhom fl-aħħar snin, jiġifieri l-edukazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent. 

Ta’ min jirrikonoxxi li mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea ‘l hawn, Malta għamlet passi tajba ‘l quddiem fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, fit-tisħiħ tal-immaniġġjar ambjentali kif ukoll fil-kompatibilita’ bejn dawn iż-żewġ oqsma tal-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżna. F’dan il-każ il-liġijiet ambjentali ewropej, qegħdin jitwettqu f’Malta permezz ta’ numru ta’ miżuri regolatorji, l-investiment ta’ fondi pubbliċi fi proġetti ambjentali kif ukoll permezz ta’ kampanji edukattivi. Dan minkejja li dawn il-liġijiet huma ta’ piż sostanzjali għal pajjiż ċkejken u b’mezzi limitati. Dawn l-inizjattivi li jolqtu l-aspetti ambjentali kollha, jinkludu, fost oħrajn, l-iskart, il-kwalita’ tal-arja u l-ilma, kif ukoll l-ippjanar tal-art. Dawn qegħdin jagħtuna riżultati importanti u li ma kienux jinkisbu daqshekk malajr u b’mod daqstant effettiv li kieku ma kienx hemm l-imbuttatura u l-għajnuna tal-Unjoni Ewrojea f’dan il-qasam. 

Il-liġijiet ambjentali Ewropej jagħtu importanza wkoll għall-użu tal-istrumenti ekonomiċi għall-immaniġġjar ambjentali u jaħdmu fuq il-prinċipju ta’ min iħammeġ iħallas. Dan il-kunċett huwa meqjus, b’mod dinji,  bħala għodda effikaċi ħafna sabiex b’mod effettiv iħeġġeġ aġir li filwaqt li jħares l-interessi individwali tal-operaturi ekonomiċi, jkun ukoll konsistenti mal-għanijet ambjentali. Kien għal dan il-għan li l-użu ta’ strumenti bħal dawn kien irrikmandat fl-Aġenda 21 għall-iżvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, din iffukat wkoll fuq il-karatteristiċi ta’ pajjiżi żgħar. 

Fit-twettiq tal-istrumenti ekonomiċi għall-immaniġġjar ambjentali jintużaw tlett għodod prinċipali, jiġifieri, t-taxxa, is-sussidji kif ukoll l-istrumenti negozzjabbli. Għaldaqstant dawn l-istrumenti għandhom implikazzjonijiet u impatti importanti mhux biss mill-aspett ambjentali iżda wkoll mill-aspett fiskali u ta’ baġit. Id-dħul ta’ strumenti bħal dawn jistgħu jwasslu għal tibdil fid-dħul u l-infiq tal-Gvern jew inkella fil-mekkaniżmi li jintużaw għad-dħul u l-infiq tal-Gvern. Dawn x’aktarx li għandhom impatti ekonomiċi u soċjali wiesgħa. 

Fil-kuntest ta’ dan kollu, jiena nilqa’ l-inizjattiva li ttieħdet permezz ta’ dan il-proġett sabiex tiġi studjata l-qagħda kurrenti f’dan il-qasam u mistħarrġa d-direzzjoni strateġika futura fl-uzu ta’ strumenti ekonomiċi għall-immaniġġjar ambjentali f’Malta. Dan għaliex nirrikonoxxi li Malta bħala pajjiż ċkejken u b’popolazzjoni kbira qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sfidi ambjentali importanti filwaqt li qiegħda tipprova tavvanza ekonomikament sabiex tilħaq il-medja tad-dħul Ewropew u żżomm il-qagħda fiskali sostenibbli. 

Huwa inkoraġġanti l-fatt li l-istudju kkonkuda li f’Malta diġa qegħdin nużaw numru ta’ strumenti ekonomiċi li qegħdin iħallu benefiċċji ambjentali sostanzjali. Il-ħlasijiet li jsiru fuq l-użu tal-elettriku u l-ilma kif ukoll it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karrozzi huma eżempji tajba. L-eko-kontribuzzjoni wkoll qiegħda tirriżulta f’riżorsi li qegħdin jintużaw għall-immaniġġjar tal-iskart. Iżda ta’ min wieħed japprezza li aġir li jkun ambjentalment tajjeb jista’ jiġi xprunat ukoll permezz tal-użu ta’ sussidji fuq prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. F’Malta għandna sussidji bħal dawn. Insemmi, fost l-oħrajn, is-sussidji fuq ix-xiri ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija, fuq il-karrozzi li jaħdmu bl-elettriku u fuq l-apparat għat-tisħin tal-ilma permezz tal-użu tal-enerġija li tkun ġejja mix-xemx. Nemmen illi xi strumenti bħal dawn, li diġa qegħdin jintużaw, jistgħu jiġu mtejba u ntegrati fi strateġija sħiħa ta’ immaniġġjar ambjentali. 

Ta’ min isemmi li d-dħul ta’ strumenti ekonomiċi bħal dawn f’Malta segwa s-suċċess li nkiseb minn numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra fl-implimentazzjoni ta’ riformi ambjentali fil-baġit tagħhom. Għaldaqstant rajna moviment lil hinn mit-tassazzjoni fuq id-dħul għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-konsum li jħammġu, bħaz-zjut. Rajna wkoll id-dħul ta’ sussidji fuq prodotti li jużaw l-enerġija alternattiva. 

Importanti wkoll li l-proġett fassal numru ta’ kriterji li għandhom jintużaw fid-diżinn ta’ strumenti ekonomiċi sabiex dawn jiksbu s-suċċess mixtieq.  M’hemmx għalfejn ngħidu li sabiex strumenti bħal dawn ikunu rilevanti għal Malta, dawn għandhom ikollhom il-kapaċita’ li jgħinu fil-kisba tal-oġġettivi ambjentali importanti għal pajjiżna. Dawn għandhom iġibu tibdil fil-prezzijiet tas-suq sabiex il-konsumaturi u l-produtturi jibdlu l-aġir tagħhom u b’hekk jintlaħqu l-miri ambjentali tagħna. Strumenti bħal dawn jistgħu anke jkunu mixtieqa jekk joħolqu ammont ta’ dħul li jkun jista’ jintuża għall-immaniġġjar ambjentali aħjar.   

L-istrumenti ekonomiċi ambjentali, għandhom il-kunċett tal-ġustizzja magħġun magħhom għaliex iġiegħlu lil min iħammeġ iħallas għat-tnaqqis fit-tgawdija tal-assi ambjentali li l-komunita’ sħiħa tkun ġarrbet bħala riżultat tal-ħsara ambjentali. Iżda fl-istess ħin, strumenti bħal dawn m’għandhomx jimponu piżijiet soċjali mhux ġustifikati speċjalment fuq min jiflaħ l-anqas. Fuq kollox, dawn għandhom ikunu wkoll konsistenti ma’ għanijiet oħra tal-politika ekonomika, inklużi dawk marbuta mal-iżbilanc fiskali, iż-żieda tal-prezzijiet, il-kompetittivita, kif ukoll, il-bilanċ tal-pagamenti.   

Huwa importanti li nħarsu lejn il-bilanċ bejn l-ispiża u l-effettivita’ ta’ strument partikulari għall-immaniġġjar ambjentali meta mqabbel ma’ strumenti oħra, inklużi dawk regolatorji u edukattivi, sabiex nassiguraw l-aħjar użu tar-riżorsi tagħna. L-istrument magħżul għandu jkun kredibbli u li jinftiehem mill-pubbliku. Fuq kollox għandna nassiguraw ukoll li jkollna l-kapaċita’ amministrattiva neċessarja sabiex tfassal, tpoġġi fis-seħħ u tinforza dawk l-istrumenti ambjentali u ekonomiċi li jkunu proposti. 

Din il-ħarsa wiesgħa li tajt, tagħti idea tajba tal-kumplikazzjonijiet li jeżistu sabiex jiġu ddiżinjati u mwettqa strumenti ekonomiċi adegwati għall-immaniġġjar ambjentali. Ma’ dan irrid inżid illi meta jinbidlu jew jiddaħħlu strumenti ekonomiċi ġodda, wieħed irid joqgħod attent li ma jħarbatx ix-xejra tal-attivita ekonomika li minnha nnifisha tista’ twassal għal inċertezza fis-suq.   

Kif tafu, fl-aħħar snin, it-tħejjija tal-politika ekonomika u fiskali tal-pajjiż sar wieħed aktar parteċipattiv bil-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ qabel il-baġit. Dan jgħin fid-diskussjoni estensiva li ssir mal-imsieħba soċjali u s-soċjeta ċivili kif ukoll ma’ setturi sħaħ tal-popolazzjoni tagħna. Il-Gvern ser iħares bir-reqqa lejn ir-riżultati ta’ dan l-istudju u bil-possibilta li xi wħud minn dawn il-proposti jiġu kkunsidrati fid-Dokument ta’ qabel il-Baġit.  Min-naħa tiegħu, il-Gvern jibqa’ marbut li jilħaq il-miri ekonomiċi u ambjentali tiegħu sabiex jassigura titjib kontinwu fil-kwalita tal-ħajja tal-poplu Malti. 

Nagħlaq billi nirringrazzja lil kull min ta sehemhu f’dan il-proġett u li jagħti l-kontribut tiegħu ambjentali għal pajjiżna. Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow