Il-Good Causes Fund Concert
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret illum fil-Ministeru tal-Finanzi, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Tonio Fenech ħabbar li ser jiġi organizzat għal darb’ oħra il-Good Causes Fund Concert. Dan qed isir wara s-suċċess li nkiseb fl-organizzazzjoni tal-kunċert li sar f’Diċembru li għadda.
L-Onor. Tonio Fenech qal li dan il-kunċert qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Orkestra Nazzjonali, li rringrazzja għal mod professjonali li bih qed jaħdmu biex jittella’ dan il-kunċert. Tonio Fenech ħabbar li l-kunċert ser isir taħt il-patronċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta nhar is-Sibt 16 ta’ Ġunju 2007 fit-8.00 p.m.
Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa fl-interess tal-Ministeru tal-Finanzi, permezz tan-National Lotteries Good Causes Fund li jgħin sabiex jiġu organizzati avvenimenti bħal dawn, sabiex tiġi promossa aktar il-kultura mużikali f’pajjiżna. Dan il-Fond huwa intenzjonat li jgħin mhux biss lill-organizzazzjonijiet u f’avvenimenti sportivi, edukattivi u soċjali, imma anke wkoll f’avvenimenti kulturali. “Il-kultura ta’ pajjiżna hija imprezzabbli u għandha tiġi mħarsa u sostnuta,“ qal l-Onor. Tonio Fenech.
Tonio Fenech qal li l-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinġabru mill-Ministeru tal-Finanzi, Triq Żekka, il-Belt Valletta (Tel: 2599 8244, 2599 8383). Ser tintalab donazzjoni ta’ Lm5 għal kull biljett li jinġabar. Il-flus li jinġabru minn dan il-kunċert ser imorru kollha għall-Malta Community Chest Fund. Tonio Fenech ħeġġeġ lill-pubbliku in ġenerali biex jipparteċipa f’dawn il-kunċerti għaliex b’hekk tissaħħaħ il-kawża ġusta li għaliha qed jiġu organizzati dawn il-kunċerti.
Is-Sur Lino Attard, Chairman ta’ l-Orkestra Nazzjonali qal li Eugen Prochác mużiċist ta’ fama internazzjonali li rċieva l-edukazzjoni mużikali elementari fil-Konservatorju ta’ Bratislava u mbagħad fl-Akkademja tal-Mużika u Drama. Prochác huwa r-rebbieħ ta’ numru ta’ kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali bħall-Kompetizzjonni tal-Interpretazzjoni fi Slovakkja (1983) u Premio Valentino Bucchi f’Ruma (1990). Is-Sur Attard żied jgħid li Prochác bħala solist ta’ diversi kunċerti ma’ numru ta’ orkestri kbar u ħa sehem f’festivals famużi ġewwa ċentri Ewropej importanti, kif ukoll fil-Kanada, il-Ġappun, it-Tajlandja, l-Arġentina u l-Emirati Għarab Magħquda, fost pajjiżi oħra. Bħalissa huwa professur taċ-ċello fl-Akkademja tal-Mużika u Drama ġewwa Bratiżlava.
Lino Attard tkellem ukoll dwar Christopher Muscat li se jidderiġi l-Orkestra Nazzjonali waqt dan il-kunċert. Huwa qal li Muscat studja l-kompożizzjoni u l-conducting fl-Universita’ ta’ Malta u wara fl-Unversita’ ta’ Surrey, l-Ingilterra fejn ħa l-Master of Music b’unur rari ta’ pass with distinction. Fost l-awards li rebaħ Muscat insibu l-ewwel premju fil-Joyce Dixey competition ġewwa Surrey u l-International Polyphonic Competition organizzata mill-Orfeo Misericordia ġewwa Spanja bl-Ave Maria tiegħu għal SATB choir a cappella. F’Mejju tal-2005, il-prologu tiegħu għal Der Leiermann ta’ Franz Schubert minn "Wintereisse" indaqqet għall-ewwel darba fil-Philarmonie ġewwa Berlin. Lino Attard qal li Muscat kien ukoll parti minn panel ta’ numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali tal-mużika, fosthom il-Valentino Bucchi ta’ Ruma fl-2005.
Lino Attard għalaq billi rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari l-Onor. Tonio Fenech talli għoġbu għal darb’ oħra jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Orkestra Nazzjonali sabiex tkompli tiġi promossa l-kultura mużikali b’kunċerti bħal dawn. Huwa awgura li dawn il-kunċerti jibqgħu jsiru b’mod regolari.
Christopher Muscat qal li l-kunċert ser jiftaħ bil-mużika popolari Light Cavalry Overture ta’ Franz von Suppè. Il-mużiċista b’fama internazzjonali Eugen Prochác ser idoqq is-siltiet Rondo for Cello and Orchestra ta’ Dvořák u Hungarian Rhapsody ta’ David Popper. Imbagħad l-Orkestra Nazzjonali, taħt id-direzzjoni ta‘ l-istess Christopher Muscat, ser iddoqq żewġ xogħlijiet brillanti għal orkestra: Masquerade Suite ta’ Aram Khachaturianu Cappriccio Espagnol ta’ Nikolay Rimsky-Korsakov.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965