Left arrow Go Back

ŻJARA LIL PLANNING AND PRIORITIES CO-ORDINATION DIVISION MILL-PRIM MINISTRU

PR0841
Date Icon 06/06/2007

Minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, kienet minn ta’ quddiem għal dak li għandu x’jaqsam ma’ prattika tajba fil-Politika ta’ Koeżjoni. Bħalissa hemm 82 proġett li qed jiġu ffinanzjati mill-Fondi Strutturali 2004-2006 u żewġ progetti kbar oħra mill-perjodu finanzjarju 2004-2006 tal-Fond ta’ Koeżjoni. Ħafna mill-proġetti waslu sew b’uħud mill-proġetti tlestew jew waslu biex jitlestu. Inklużi fit-82 proġett hemm numru ta’ proġetti li qed jiġu implementati minn Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi / imsieħba soċjali kif ukoll diversi skemi ta’ għajnuna għas-settur privat. Bħalissa hemm 161 ditta fis-settur tal-manifattura, 53 fis-settur tat-turiżmu, 141 razzett u intrapriżi oħra fl-industrija ta’ l-agrikultura u l-ikel u 15-il intrapriża tas-sajd li qed jibbenefikaw mid-diversi skemi ta’ għajnuna li qed jiġu ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali.

Huwa fatt magħruf li ħafna pajjiżi fl-aħħar mill-aħħar jitilfu l-miljuni minħabba li ma jirnexxilhomx jimplementaw fiż-żmien stabbilit jew jispiċċaw iħallsu miljuni lura lill-UE minħabba li ma jimplementawx il-proġetti kif suppost. Malta mhux biss ma tilfitx il-flus, imma rnexxielha tilħaq il-miri tagħha għal 2006 għall-Fondi kollha b’numru ta’ xhur qabel iż-żmien u diġa’ laħqet il-miri finanzjarji tagħha għal 2007 (magħrufa aktar f’dan il-qasam bħala N+2) b’aktar minn sitt xhur qabel iż-żmien. Malta wkoll marret tajjeb f’dak li għandu x’jaqsam mal-Programmi ta’ l-Interreg III (li wkoll huma ffinanzjati minn wieħed mill-Fondi Strutturali, jiġifieri l-FEZR) fejn il-pajjiż irnexxielu jieħu (f’termini ta’ valur ta’ proġetti approvati) aktar mid-doppju tal-fondi li kkontribwixxa ghall-erba’ Programmi (Italia-Malta, Medocc, Archimed u Interreg IIIC) li fihom qed jipparteċipa.

Dan is-suċċess huwa r-riżultat ta’ deċiżjonijiet kritiċi li Malta ħadet sa mill-bidu nett li wasslu biex tiġi stabbilita sistema li tiżgura implementazzjoni effettiva kif ukoll effiċjenti u fil-ħin. Kruċjali għal din is-sistema kien it-twaqqif tad-Diviżjoni għall-Ippjanar u Ko-ordinazzjoni tal-Prijoritajiet (PPCD) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li hija l- l-Awtorita’ ta’ l-Immaniġġjar għall-Fondi Strutturali u l-ko-ordinatur nazzjonali / punt ta’ riferiment għal numru ta’ Fondi u strumenti finanzjarji oħra inklużi l-Istrument ta’ Qabel is-Sħubija, il-Faċilita’ ta’ Transizzjoni, l-Ħames Protokoll Taljan, il-Mekkaniżmi Finanzjarji taż-Żona Ekonomika Ewropea u tan-Norveġja; u l-Ftehim ta’ Ko-operazzjoni bejn l-Isvizzera u Malta, l-Interreg u l-Equal. Il-PPCD tipprovdi tmexxija, gwida u sostenn għall-benefiċjarji (dawk li jimplimentaw il-proġetti) u tiżgura li s-sistema tiġi mmonitorjata u għandha biżżejjed kontrolli li jiggarantixxu it-tħaris tar-regolamenti ta’ l-UE f’dan il-qasam. L-imsieħba principali tal-PPCD f’dan l-isforz huma numru ta’ organizzazzjonijiet orizzontali fil-Ministeru tal-Finanzi bħalma huma d-Dipartiment tal-Kuntratti, l-Awtorita’ li tħallas, it-Teżor, u l-awdituri interni tal-Programmi – id-Direttorat ta’ l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet.

Il-pajjiż kompla jibni fuq is-suċċessi li ntlaħqu fil-perjodu 2004-2006 u f’Diċembru 2006, Malta kienet l-ewwel pajjiż li kellu l-Qafas ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali (NSRF) 2007-2013 approvat mill-Kummissjoni Ewropea (l-approvazzjoni suċċessiva saret xi tlett xhur wara). Il-ġimgha l-oħra l-Prim Ministru ddikjara li Malta kienet għalqet in-negozjati tagħha (mmexxija mill-PPCD) dwar iż-żewġ Programmi Operattivi li ser jimplementaw l-istrateġija u l-viżjoni tal-Gvern kif deskritti fl-NSRF. Il-Programmi Operattivi I u II 2007-2013 u l-Programmi l-ġodda tal-kooperazzjoni  territorjali ser jiġbru flimkien kważi biljun Ewro f’investiment pubbliku li 85% minnu ser jiġi mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

Il-Programm Operattiv I ser jikkonsisti l-aktar minn infrastruttura pubblika f’numru ta’ oqsma inklużi t-trasport; l-ambjent; l-infrastruttura ta’ sostenn għall-intrapriżi; it-turiżmu; ir-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp (RTDi); is-saħħa; l-enerġija; l-edukazzjoni; is-Soċjeta’ ta’ l-Informatika; u r-riġenerazzjoni urbana. Il-Programm Operattiv II ser jiffoka fuq il-miżuri ta’ l-impjiegi u t-taħriġ inklużi t-tisħiħ tas-sistema edukattiva, inizjattivi ta’ Lifelong Learning, il-promozzjoni ta’ suq tax-xogħol ugwali u inklużiv u miżuri ta’ żvilupp tal-kapacita’ amministrattiva. Iż-żewġ Programmi fihom ukoll numru ta’ skemi ta’ għajnuna għas-settur privat. Deċiżjoni formali mill-UE dwar il-Programmi mistennija li tiġi ppublikata fit-tielet ġimgħa ta’ Ġunju.

Matul iż-żjara għand il-PPCD, il-Prim Ministru rringrazzja lill-impjegati kollha tal-PPCD għall-impenn, id-dedikazzjoni u l-isforz tagħhom, b’mod partikulari f’dawn l-aħħar xhur. Huma eċċedew sew id-dmirijiet tagħhom ta’ kuljum u kellhom ilaħħqu mal-miri għall-Programm 2004-2006 u fl-istess ħin jiffinalizzaw il-Programmi l-ġodda. Ħa wkoll l-opportunita’ li jirringrazzja l-Isteering Committee (li hu mmexxi mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi) li pprovda d-direzzjoni għall-proċess ta’ programmar, u lis-settur pubbliku b’mod ġenerali fejn fakkar li l-entitajiet ħadmu flimkien mal-PPCD biex jiżguraw l-approvazzjoni bikrija tal-Programmi.

Għal darb’oħra Malta tidher li qegħda minn ta’ quddiem billi ser tkun l-ewwel Stat Membru ta’ konverġenza li jkollu l-approvazzjoni tal-pakkett kollu tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Il-Prim Ministru qal li l-benefiċjarji ser ikunu diversi u ser jinkludu kampjun rappreżentattiv tas-soċjeta’ u l-ekonomija Maltija. Dawn ser jestendu minn korpi pubbliċi għal korpi li huma ekwivalenti għal korpi pubbliċi, intrapriżi mis-settur privat, organizzazzjonijiet mhux governattivi u imsieħba soċjali; individwi (boroż ta’ studji, child care…) u għall-ewwel darba anke investiment fid-djar (enerġija li terġa’ tiġġedded u miżuri ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija).

Fir-rigward tal-passi li jmiss, il-PPCD issa ser jipproċedi biex iniedi uffiċjalment il-Programmi Operattivi. Wara dan, ser issir is-sejħa għall-proġetti. Il-PPCD bħalissa qed twaqqaf is-sistema ġdida ta’implementazzjoni li teħtieġ l-approvazzjoni mill-UE li għandha bżonn ko-ordinazzjoni b’saħħitha, b’mod partikulari minħabba ż-żieda sostanzjali tal-fondi li jridu  jiġu ċċertifikati lill-UE kull sena. Madankollu, hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza li jekk nistgħu nimxu fuq l-esperjenza li kellna s’issa, Malta għandha tkun fl-aħjar pożizzjoni li tkompli tibni fuq is-suċċess tagħha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow