Approvata l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea gĦall-irtirar tad-deċiŻjoni dwar id-defiCit eċċessiv ta’ Malta
Illum, il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Ekonomija u l-Finanzi Ewropej approva l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-irtirar tad-deċiżjoni dwar id-deficit eċċessiv ta’ Malta, kif ukoll ir-Rapporti ta’ Konverġenza dwar Malta ippreparati mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu waqt il-laqgħa tal-Ministri ta’ l-Ekonomija u l-Finanzi Ewropej fil-Lussemburgu.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti l-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor Tonio Fenech kif ukoll is-Sur Richard Cachia Caruana, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu lill-Kunsill tal-Ministri, il-Prim Ministru qal li Malta tilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonferma t-titjib kbir fil-qagħda finanzjarja ta’ Malta. Huwa semma kif ir-riżultati pożittivi li nkisbu fil-finanzi tal-Gvern kienu l-frott kemm tal-programm ekonomiku u finanzjarju mwettaq mill-Gvern matul is-snin li għaddew, kif ukoll tal-ħidma ta’ l-operaturi ekonomiċi u l-poplu Malti.
Il-Prim Ministru wera kif fis-snin li għaddew, Malta għamlet progress sostanzjali fil-finanzi pubbliċi. Iċ-ċifri dwar id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern għall-2007 diga’ jikkonfermaw li l-pajjiż qiegħed fit-triq it-tajba sabiex jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu għal din is-sena.
Dr. Gonzi sostna li pożizzjoni fiskali sostenibbli hija element importanti fil-politika ekonomika tal-Gvern. Il-Gvern huwa mpenjat li jkompli jimplimenta l-programm finanzjarju u ekonomiku tiegħu sabiex jitkompla l-progress lejn il-kisba ta’ budget strutturali bilanċjat fis-snin li ġejjin, kif ukoll sabiex ikompli jassigura l-aħjar żvilupp ekonomiku u socjali għall-Maltin kollha.
Fir-rigward tar-Rapporti ta’ Konverġenza ppreparati mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, il-Prim Ministru qal li l-konklużjonijiet tagħhom, filwaqt li jikkonfermaw il-progress li Malta għamlet fl-oqsma ekonomiċi u finanzjarji, jiftħu t-triq għad-dħul ta’ Malta fiz-zona ta’ l-euro mill-1 ta’ Jannar 2008. Dan huwa meqjus bħala pass importanti fl-istorja ekonomika Maltija.
Dr Gonzi għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-poplu Malti u lill-operaturi ekonomiċi kollha għall-ħidma u l-kontribut tagħhom sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pajjiż u awgura li bil-kontribut ta’ kulħadd, pajjiżna jkompli jibni fuq ir-riżultati pożittivi miksuba fl-aħħar snin.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en