Tibda l-ħidma tal-Bord għall-Immaniġġar tal-Park ta’ Natura u Storja fil-MAjjistral ta’ Malta
Il-Bord għall-Imaniġġar tal-Park ta’ Natura u Storja fil-Majjistral ta’ Malta beda l-ħidma tiegħu b’laqgħa li kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino.
F’diskors qasir lill-mezzi tax-xandir fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru Pullicino qal li l-għaqdiet non-governattivi qed jingħataw rwol importanti fit-tfassil ta’ l-istrateġija li ser twassal għall-ħolqien ta’ dan il-Park.
“Il-Bord huwa kompost minn tliet rappreżentanti tal-Gvern u tliet membri oħra – wieħed għal Nature Trust, Din l-Art Ħelwa u l-Gaia Foundation flimkien ma’ Chairman. Jien ċert li l-kompożizzjoni tal-Bord mmexxi miċ-Chairman Dr. Stanley Zammit - li hu magħruf għall-kredenzjali ambjentalisti tiegħu – hija garanzija għas-suċċess ta’ dan il-proġett,” kompla jgħid il-Ministru Pullicino.
“Din hija wirja ta’ fiduċja mill-Gvern fl-organizzazzjonijiet non-governattivi li ser iġibu magħhom esperjenza u entużjażmu f’dan il-proġett billi jingħataw rwol attiv fit-tmexxija ta’ dan il-Park.”
Is-sit fejn ser jinħoloq il-Park ikopri 2.6 kilometri kwadri – jiġifieri ħames darbiet id-daqs tal-Belt Valletta. Is-sit intgħażel minħabba l-importanza xjentifika, bijoloġika u kulturali tiegħu. Fih jinstabu ambjenti differenti li fihom rikkezza ta’ flora u fawna endemika u ammont kbir ta’ siti storiċi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qal li l-ewwel ħidma tal-bord ser tkun iffukata fuq il-konsultazzjoni ma’ kull min għandu interess, li ser tibda b’mod immedjat. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ser iwassal għat-tnissil ta’ l-istrateġija għat-tmexxija tal-Park. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni mistenni jintemm f’Awissu ta’ din is-sena.
Madankollu, fl-istess ħin ser ikunu qed jiġu identifikati l-postijiet li jaqgħu fil-‘footprint’ tal-Park li għandhom bżonn ta’ tindif minħabba r-rimi ta’ skart goff li akkumula tul iż-żmien. Huwa l-ħsieb tal-Gvern li matul is-sajf isir dan it-tindif, sabiex il-Park jibda jsir aktar aċċessibli għall-pubbliku b’mod immedjat.
Intant il-Bord ser iniedi kompetizzjoni biex jinstab isem u jinħoloq ‘logo’ għall-Park ta’ Natura u Storja fil-Majjistral ta’ Malta. Ir-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni ser jingħata btala għal żewġ persuni f’park naturali fl-Italja.
Il-Ministru Pullicino stqarr li l-ħolqien ta’ dan il-Park mhux ser iseħħ mil-lum għall-għada, iżda ser ikun proċess gradwali li jieħu bosta snin.
“Il-mira tagħna hija li l-pubbliku jkun jista’ jibda jgawdi dan il-lok ta’ rikrejazzjoni u edukazzjoni mill-aktar fis possibbli. Għalhekk qed naħsbu biex minn Ottubru li ġej ikunu jistgħu jibdew isiru l-guided tours madwaru,” temm jgħid il-Ministru.
Il-membri tal-Bord għall-Immaniġġar tal-Park ta’ Natura u Storja fil-Majjistral ta’ Malta huma:
Stanley Zammit - Chairman
Mark C. Mifsud - Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent
Chris Attard - Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar
Albert Mamo - Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern
Martin Galea - Din l-Art Ħelwa
Vince Attard - Nature Trust
Rudolph Ragonesi - Gaia Foundation
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en