Ambaxxatur Malti għal Andorra
L-Ambaxxatur Malti mhux Residenti għal Andorra, Gaetan Naudi, ippreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-Prinċep Konġunt ta’ Andorra, Joan Enric Vives i Sicilia, f’ċerimonja li saret fil-Palazz Episkopali tal-prinċep – li hu Isqof – f’La Seu d’Urgell f’Katalunja.
Xahar ilu l-Ambaxxatur Naudi ippreżenta l-kredenzjali lill-Prinċep Konġunt l-ieħor ta’ Andorra, l-ex President Jacques Chirac.
F’laqgħa li damet madwar 20 minuta wara l-preżentazzjoni tal-kredenzjali, il-Prinċep u l-Ambaxxatur Naudi tkellmu dwar ix-xebħ f’bosta oqsma li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi u kif il-ħbiberija bejniethom kompliet tiżviluppa fl-aħħar 12-il sena kemm ilhom li kienu stabbiliti r-relazzjonijiet diplomatiċi ta’ bejniethom.
Il-Prinċep Vives i Sicilia spjega kif il-gvern ta’ Andorra qed ifittex rabtiet akbar ma’ l-Unjoni Ewropea u kif pajjiż żgħir bħal Malta jifhem aktar malajr il-problemi marbuta mad-daqs tal-pajjiż. Hu qal li Malta tista’ tgħin lil Andorra f’dan ir-rigward billi tagħti pariri siewja mill-esperjenzi tagħha fil-familja Ewropea tas-27 pajjiż.
F’laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin il-ġdida ta’ Andorra, Meritxell Mateu Pi, l-Ambaxxatur Naudi tkellem dwar l-Akkordju ta’ Kooperazzjoni Ġenerali u Ħbiberija li kien iffirmat bejn Malta u Andorra fl-2004 u kif dan jista’ jixpruna aktar kuntatti bilaterali fl-oqsma tal-lingwi, taħriġ ta’ Diplomatiċi minn Andorra f’Malta kif ukoll skambji fil-qasam tat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u fil-livell ta’ Universitajiet.
Il-Ministru ta’ Andorra semmiet ukoll il-possibbilta’ li jiżdiedu l-kuntatti bejn il-komunitajiet kummerċjali taż-żewħ pajjiżi u kif Malta u Andorra jistgħu jaqsmu bejniethom it-tagħrif u l-esperjenzi rispettivi tagħhom fil-qasam turistiku.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en