STQARRIJA MILL-MINISTERU għall-Familja u Solidarjetà Soċjali
Il-Media Laburista qed tkompli toħroġ informazzjoni żbaljata dwar il-benefiċċju ta’ l-enerġija li ma tagħmel xejn ħlief tqarraq bin-nies.
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jerġa’ jappella lil kull min għandu bżonn aktar tagħrif dwar dan il-benefiċċju biex ma joqgħodx fuq dak li qed jingħad minn ċerti partitarji laburisti imma jċempel lil SPIC fuq 159 mit-Tnejn sas-Sibt, mit-8 ta’ filgħodu sat-8 ta’ fligħaxija jew iżur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Fir-rigward ta’ każ partikolari rappurtat fuq il-website Maltastar (website ta’ affiljazzjoni Laburista) dwar sinjura li huma sejħu Mrs X, il-Ministeru jikkjarifika dan li ġej:
1. Ir-rapport tal-Maltastar igħid li l-kont ta’ Mrs X jinkludi spiża għal Water Service Charge u Electricity Meter Rent għal erba’ xhur (quarterly) ta’ Lm 6.78 il-wieħed, jiġifieri total ta’ Lm 13.56.
Dan mhuwiex minnu.
Il-kont fil-fatt inħareġ għal perjodu ta’ kważi seba’ xhur u mhux ta’ erba’ xhur. Ir-rapport stess tal-Maltastar jagħraf dan fl-istess rapport fejn hemm miktub li l-kont inħareġ mis-26 ta’ Settembru, 2006 sa’ l-20 ta’ April, 2007. Għalhekk, l-ispiża ta’ Lm 13.56 tkopri perjodu ta’ kważi seba’ xhur għaliex dawn l-ispejjeż huma kkalkolati fuq bażi pro-rata li f’dan il-każ ikopri perjodu ta’ 209 jum.
2. Il-ħlas totali għal Water Service Charge u Electricity Meter Rent ta’ dan il-kont fuq bażi pro-rata għal perjodu li għalih japplika l-Benefiċċju ta’ l-Enerġija (jiġifieri, il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-aħħar data tal-kont li hija l-20 ta’ April, 2007) huwa fil-fatt imħallas kompletament mill-voucher li s-sinjura rċeviet bħala persuna eliġibbli għal dan il-benefiċċju.
Dan ifisser li, kuntrarju ta’ dak miktub fir-rapport tal-Maltastar, hija ma tridx tħallas il-Water Service Charge u l-Electricity Meter Rent għal dan il-perjodu.
3. Il-ħlas għal Water Service Charge u Electricity Meter Rent għal perjodu qabel ma daħal il-Benefiċċju ta’ l-Enerġija (jiġifieri fil-każ ta’ dan il-kont bejn is-26 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, 2006) ser jiġi kopert mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma permezz ta’ creditli dawn il-benefiċċjarji għandhom jirċievu minn din il-Korporazzjoni.
Kif diġà ntqal diversi drabi minn dan il-Ministeru, għal dan il-benefiċċju l-Ministeru għamel użu minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (l-NSO) biex ħareġ l-informazzjoni għal dak li jirrigwarda l-konsum tipiku ta’ enerġija skond il-household (typical household consumption). Dan il-Ministeru kien diġà spjega pubblikament permezz ta’ diversi stqarrijiet li ħarġu qabel ma sar attiv il-benefiċċju li dan kien ser ikun ibbażat fuq il-kompożizzjoni tal-household, id-dħul, u l-konsum. Għalhekk:
4. Ir-rapport tal-Maltastar igħid li Mrs X hija persuna tgħix waħedha. Għalhekk, fil-każ tagħha, skond l-istatistika l-konsum tipiku tad-dawl huwa ta’ 1,600 units fis-sena u l-konsum tipiku ta’ l-ilma huwa ta’ 25 units fis-sena. Skond il-kontijiet ppubblikati mill-Maltastar, għal perjodu ta’ kważi seba’ xhur, Mrs X ikkunsmat 2,582 unit ta’ dawl.
Meta kkumparat mal-konsum tipiku ta’ dawl għal seba’ xhur, Mrs X ikkunsmat 171% aktar mill-konsum tipiku kif maħdum mill-NSO.
(Dan għaliex Mrs X ikkunsmat 61% iktar mill-konsum tipiku għal perjodu ta’ sena, iżda f’seba’ xhur biss).
Il-Gvern jagħmel dak kollu possibbli biex jgħin lil min għandu bżonn u verament jistħoqqlu, iżda mhuwiex lest iħallas minn flus il-poplu għal min mhuwiex intitolat għal dan il-benefiċċju. Lanqas sejjer iħalli lil min huwa intitolat jaħli enerġija eċċessiva għax hemm ħaddieħor jagħmel tajjeb għalih. Żgur kulħadd jaqbel li għandna nkunu responsabbli fl-użu tal-enerġija, għal benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi.
Għal darb’oħra nerġgħu nfakkru li l-Oppożizzjoni b’konvenjenza politika liema bħalha nsew li fl-1998, fi żmien Gvern Laburista, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu splodew ’il fuq u dan mhux minħabba l-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali. Dak in-nhar ma kienx hemm eżenzjoni jew għajnuna għal ħadd, ħlief għal kumpens b’mod limitat ħafna u mhux bil-quddiem, kuntrarju għal dak li qed iseħħ illum fejn Gvern Nazzjonalista fassal benefiċċju u żied il-vot minn Lm 800,000 (€1,863,498.72) għal Lm 3.3 miljun (€7,686,932.22) biex 30,000 familji qed isibu l-appoġġ li għandhom bżonn.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en