Seminar fuq xogħlijiet tal-filugranu jinżamm f’Għawdex
Waqt l-Assemblea Ġenerali Ewropea tal-World Crafts Council li sar fil-Finlandja f’Ġunju 2006, ġiet aċċettata proposta li għamel is-Sur Joseph Attard, id-delegat tal-Kunsill Malti għall-Artiġjana, biex jiġi organizzat workshop dwar ix-xogħol tal-filugranu f’Għawdex. Dawn iż-żewġ kunsilli qiegħdin jikkollaboraw maċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri fl-organizzazzjoni ta’ seminar/workshop li ser ikun mifrux fuq tlett ijiem u li fih ser jipparteċipaw artiġjani lokali kif ukoll barranin.
Dan is-seminar ser jiffoka fuq “Ix-xogħol tal-filugranu – tradizzjoni u interpretazzjoni moderna” u se jsir fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri bejn il-31 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju 2007.Matul dan is-seminar, ser jiġu spjegati modi u teknikalitajiet fl-użu tal-fidda fix-xogħol tal-filugranu b’konnessjoni ma’ oġġetti ornamentali moderni u tradizzjonali.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan is-seminar, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, irreferiet għall-importanza li għandu s-settur ta’ l-artiġġjanat fl-ekonomija tal-gżira ta’ Għawdex u dwar kif dan il-qasam qed ikun kontinwament sostnut mill-Gvern sabiex ikompli jikber u jissaħħaħ.
Il-Ministru Debono fissret kif il-Ministeru għal Għawdex għaddej bi proġett intensiv fejn sar investiment biex tinbena estensjoni maċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri flimkien ma’ xiri ta’ apparat modern li ser ikunu ta’ benefiċċju akbar lil dawk kollha li jattendu l-korsijiet f’dan iċ-Ċentru.
Dan il-proġett, li sar permezz ta’ ko-finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, jinkludi wkoll il-bini ta’ l-ewwel Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Artiġjanat, li l-għan prinċipali tiegħu hu li jgħin artiġġjani Għawdxin biex jibdew attivita’ f’dan il-qasam. Il-Ministru Debono tkellmet ukoll dwar l-investiment tal-Ministeru għal Għawdex biex jipprovdi liċ-ċentru b’tagħmir speċjalizzat u faċilitajiet moderni oħra għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jagħmlu użu minnu.
Għal dan is-seminar qed jattendu parteċipanti kemm lokali kif ukoll barranin.
Saret ukoll introduzzjoni mis-sur Anthony V. Degiovanni – Direttur ta’ li-Studji Avvanzati u l-Edukazzjoni għall-Adulti li huwa wkoll artist. Is-sur Thorkild Thogersen, li huwa disinjatur tal-ġojjelli Daniż, inġieb permezz tal-World Crafts Council biex imexxi dan il-workshop li ser ikollu wkoll il-parteċipazzjoni tas-Sur George Farrugia, għalliem fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri.
Matul is-sessjonijiet ta’ dan il-workshop, li ser ikunu għaddejjin bejn illum u nhar is-Sibt, il-parteċipanti ser ikunu jistgħu jesperimentaw b’modi differenti ta’ ssaldjar fix-xogħol tal-filugranu ornamentali. L-aħħar sessjoni ser issir nhar is-Sibt 2 ta’ Ġunju, fejn flimkien mal-parteċipanti ser ikun hemm delegati tal-World Craft Council li jinsabu Malta għall-Assemblea Ġenerali.
Attivitajiet oħra f’dan il-programm jinkludu wirja fil-Banca Giuratale fir-Rabat li ser tkun miftuħa mil-lum sas-7 ta’ Ġunju. F’din il-wirja hemm esebiti xogħlijiet tal-filugranu maħduma mill-istudenti taċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, flimkien ma’ xogħlijiet oħra tas-Sur Thorkild Thogersen u ta’ parteċipanti oħra barranin li huma preżenti għal dan is-seminar.
Fl-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja li saret aktar kmieni dalgħodu, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, faħħret l-inizzjativa li ħadu l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment u qalet li minnbarra li qed jippromwovi x-xogħol artiġjanali Għawdxi barra minn xtutna, dan is-seminar iservi wkoll biex jirreklama l-popolarita’ ta’ dan iċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri li jipprovdi programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ lil madwar 1,000 student ta’ kull eta’.
Intant fi ftit jiem oħra, iċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri ser ikun qiegħed jorganizza l-wirja annwali li ser tiġi mwaqqfa fis-Sala tal-Wirjiet fil-Ministeru għal Għawdex. Xogħlijiet artiġjanali magħmula minn studenti li attendew għall-korsijiet f’dan l-istess ċentru matul din is-sena, ser ikunu għall-wiri mit-2 sas-16 ta’ Ġunju 2007Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en