Il-Malta Jazz Festival jittella’ b’libsa ġdida
Il-Malta Jazz and Rock Festival din is-sena ser jittella’ bejn id-19 u t-22 ta’ Lulju fil-Port il-Kbir, il-Belt Valletta. Fil-Festival ta’ din is-sena ser jipparteċipa l-kantant popolari Taljan Zucchero Sugar Fornaciari flimkien ma’ l-Australian Pink Floyd, Tribali, Chasing Pandora, Ivan Filletti, The Characters, Nina Ferro, The Wailers, PP Arnold & Dr Robert.
“Il-Malta Jazz and Rock Festival bħalissa għaddej minn eżerċizzju ta’ ristrutturazzjoni minħabba li m’għadux aktar festival purament ta’ mużika jazz. Dan il-festival qed jiġi aġġornat biex jilħaq ma’ l-aspettattivi tal-poplu llum. Kwalunkwe attività li ilha tittella’ għal 17-il sena tenħtieġ li tiġi aġġornata u tiġġedded u l-Jazz Festival mhux eċċezzjoni,” tenna l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-Malta Jazz and Rock Festival.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, flimkien ma’ entitajiet li jaqgħu taħtu, fl-aħħar sena organizza l-festival ta’ l-Arti tas-Sajf, b’diversi attivitajiet li jittellgħu f’Misraħ il-Ħelsien u fis-sit tat-Teatru Rjal, Notte Bianca, Notte Magica u Notte Gozitana. Dan flimkien ma’ attivitajiet oħra bħall-International Food and Fireworks Festival, l-International Choirs Festival, il-Walled Cities Festival u l-Festival Folkloristiku Mediterranju.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn l-attivitajiet kienu wkoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-qasam turistiku. Hu qal li aktar ma jiġu organizzati attivitajiet aktar il-barranin iħarsu lejn Malta bħala destinazzjoni orjentata lejn attivitajiet kulturali u ta’ massa u dan jikkontribwixxi biex inkomplu ntejjbu l-prodott turistiku tagħna.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en