INAWGURATA WIRJA DWAR IL-BEATU ĠORĠ PRECA FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ
Għall-okkazjoni tal-Kanonizzazzjoni tal-Beatu Dun Ġorġ Preca, l-istaff u r-residenti tas-sala Loreto fir-residenza San Vinċenz De Paul organizzaw wirja dwar dan l-ewwel qaddis Malti.
Din il-wirja ġiet inawgurata mis-Sinjura Kate Gonzi. Prezenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, is Sur Victor Delicata, Superjur Ġenerali tal-MUSEUM u mis-Sinjorina Phyllis Falzon, Superjura Ġenerali Sezzjoni Nisa kif ukoll membri tal-familja ta’ Dun Ġorġ.
Fost l-oġġetti esebiti f’din il-wirja insibu bosta ritratti antiki u l-ewwel edizzjoni ta’ kotba li wħud minnhom inkitbu minnu stess. Hemm esebiti wkoll bosta relikwi prezzjuzi li qed jiġu esposti għall-ewwel darba fil-pubbliku flimkien ma’ għadd ta’ tifkiriet oħra konnessi ma dan l-ewwel qaddis Malti.
Fil-granet tal-wirja ser ikun qed jixxandar il-filmat tal-funeral kbir ta’ Dun Ġorġ, li kien sar fil-Hamrun.
F’kelmtejn li għamlet l-Onor Helen D’Amato faħħret l-impenn u l-inizjattiva’ tal-ħaddiema ta’ San Vinċenz, speċjalment tas-Sur Alexander Lautier, Staff Nurse, li qed jorganizza din l-attivita’ bl-ghajnuna tal-kollegi tieghu. Hija qalet li din l-atttivita’ hija inizjattiva oħra li qed tittella sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jħossuhom parti minn dan l-avveniment tant importanti għall-pajjiżna. Hija qalet ukoll li din l-attivita’ hija ferm sinifikanti għall-dawn l-anzjani residenti, li l-maġġoranza tagħhom għexu fi żmien Dun Ġorġ, u saħansitra kien hemm min iltaqa’ miegħu u ha xi parir mingħandu. Għalhekk din il-wirja ser tkun strumentali sabiex huma jerġgħu jgħixu dawk il-memorji sbieħ u jkunu jistgħu jaqsmuhom ma’ qrabathom. Hija ħeġġet lil anzjani kif ukoll il-pubbliku sabiex iżuru din l-wirja.
Il-Ministru Deguara qal li matul is-sena f’San Vinċenz jittellgħu diversi wirjiet ta’ livell li barra li jidgawdew mir-residenti, jidgawdew ukoll mill-qraba u nies barranin. Dan hu importanti għax b’dan il-mod din ir-Residenza żżomm il-bibien tagħha miftuħin għal dawk kollha li jixtiequ jżuruha. Din it-tip ta’ attività u oħrajn simili jkomplu jagħtu ħajja lill-ambjent u jgħinu biex l-anzjani jħossuhom parteċipi f’avvenimenti li jkunu qegħdin jiġru anki barra mill-SVPR.
“Jien infurmat li grupp ta’ residenti ttieħed għall-żjara fil-bini tal-Mużew tal-Blata l-Bajda biex jaghti qima lil Beatu Dun Gorg Preca. Dan ifisser li din ir-Residenza m’għandiex ħitan u xejn ma jżomm lir-residenti milli jkollhom esperjenzi simili grazzi għad-dedikazzjoni ta’ l-istaff. Tassew li l-anzjani fl-SVPR qegħdin jgħixu ħajja ta’ kwalità.”
Il-Wirja dwar il-Beatu Ġorġ Preca ser tibqa miftuħa sal-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju kuljum mill-10.00 a.m. sas-7.00 p.m..
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en