Left arrow Go Back

Tissokta l-ħidma fuq it-tkomplija tal-Belveder minn Wied Babu sa Ħaġar Qim

PR0748
Date Icon 22/05/2007

Il-wirt neolitiku, il-ġmiel tan-natura flimkien maż-żona rurali jiffurmaw ambjent partikolari li wieħed jista` jammira tul it-triq li minn Wied iż-Zurrieq twasslek għal Ħaġar Qim.  Dan il-kwadru reali ser ikun jista` jiġi apprezzat  aħjar permezz ta’ promenade li ser isservi bħala belveder fuq Wied Hoxt u Wied iż-Zurrieq, kif ukoll bħala passaġġ li joffrilek passiġġata rilassanti u liberu mill-vetturi li jgħaddu mit-triq. 

Il-Ministru Ninu Zammit għamel dawn il-kummenti meta kien qed iżur ix-xogħlijiet li bdew fuq it-tieni fażi tal-bini tal-belveder minn Wied Babu sa Ħaġar Qim.

Din il-fażi ser tkun mibnija fuq l-istess stil ta’ l-ewwel fażi f’tul ta’ 1,300 metru. B’kollox ser ikun inbena belveder ta’ ’l fuq minn żewġ kilometri.  Il-belveder minn Wied Babu għal Ħaġar Qim ser tinkludi l-irranġar tal-car park eżistenti, kif ukoll traffic junction ġdida fil-parti qabel ma tinżel għal Wied iż-Zurrieq.  Din il-junction ser issir b’mod li t-traffiku li jkun tiela’ jew nieżel għal Wied iż-Zurrieq ma jfixkilx it-traffiku li jkun sejjer lejn Ħaġar Qim.

Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, l-Ministru Ninu Zammit qal li bħalissa x-xogħol jikkonsisti fi tneħħija tal-ħajt baxx eżistenti, tħammil ta’ ħamrija u kostruzzjoni tal-pedament.  Fuq din il-bażi qed jitpoġġew ‘l fuq minn 2,700 vaża tal-ġebel. 

L-użu ta’ dawn il-vażi hu bħala pedament ta’ l-belveder u f’ċertu postijiet qed jintużaw biex iservu ta’ lqugħ għat-triq eżistenti.  Dawn il-vażi qed jiġu miksija b’ġebel tas-sejjieħ, liema materjal qed jiġi miġbur minn fuq is-sit tax-xogħlijiet waqt il-proċess tat-tħammil. Fil-fatt l-area li ser tkun miksija bil-ġebel tas-sejjieħ hi ta’ madwar 2,000 metru kubu. 

Sussegwentament wara li jitlesta dan il-ħajt ser jinbena sottobank bi stil rustiku biex fuqu jittella` ħajt baxx li ser iservi bħala lqugħ għal promenade.  Il-kostruzzjoni tal-promenade tinkludi tpoġġija ta’ 1,600 metru ta’ kurduna b’konkos rinfurzat u pavimentar biċ-ċangatura tal-franka mżewqa b’madum tal-porfido.  L-area kollha li ser tkun pavimentata tammonta għal madwar 5,000 metru kwadru u tinkludi 4,500 metru kwadru ta’ ċangatura tal-franka u 500 metru kwadru tal-porfido.  Fil-ħajt ser jiġu mwaħħla recessed ligħt fittings sabiex il-promenade tkun imdawwla b’dawl apposta li huma ntenzjonati li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent naturali tal-madwar.

Il-bini tal-belveder flimkien ma’ l-attrazzjonijiet l-oħra li nsibu f’din il-parti ta’ pajjiżna joffru xeni pittoreski f’ambjent naturali u ’l bogħod miż-żona urbana.  Il-politika tal-Gvern imwettqa fl-aħħar snin uriet li b’determinazzjoni u użu aħjar tar-riżorsi umani u finanzjarji f’pajjiżna, mhux biss qed jiġu mtejba żoni popolari u ffrekwentati, iżda qed isiru wkoll żoni ġodda biex il-prodott turistiku ta’ pajjiżna jkun fuq l-ogħla livelli u ta’ kwalita` superjuri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

More Press Releases Right arrow