Il-Ministru Frendo f’taħditiet mal-Ministru ta’l-Affarijiet Barranin Kanadiż
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo il-lum temm żjara ta’ jumejn fil-Kanada fejn kellu taħditiet ma’ Peter McKay, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kanadiż u ħa l-okkazjoni wkoll li jżur il-Komunita’ Maltija f’Dundas, Toronto.
Il-Ministru Frendo għadda lill-Ministru Kandadiż ‘aide-memoire’ dwar kwistjonijiet bilaterali fosthom:
· il-problema ta’ l-immigrazzjoni llegali flimkien ma’ talba biex il-Kanada tgħin f’din il-problema billi terġa’ tiftaħ programmi fejn tilqa’ immigranti f’pajjiżha,
· il-parteċipazzjoni Maltija f’missjonijiet Kanadiżi ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet,
· kollaborazzjoni mal-Canadian International Development Agency,
· Programm Flimkien biex studenti miż-żewġ pajjiżi jagħmlu esperjenza ta’ xogħol fil-pajjiżi rispettivi, u
· ċ-ċittadinanza mill-ġdid għal numru ta’ Maltin li kellhom jirrinunzjaw għaliha biex reġgħu kisbu ċittadinanza Maltija qabel ma kienet introdotta l-liġi taċ-ċittadinanza doppja.
Fil-laqgħa mal-Ministru MacKay u f’laqgħat oħra ma’ uffiċjali mit-Taqsima tal-Commonwealth tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Kanadiż, il-Ministru Frendo iddiskuta xogħol tal-Commonwealth fosthom materji li qegħdin fuq l-aġenda tal-Commonwealth Ministers Action Group li tiegħu bħalissa huwa c-Chairman.
Minn Ottowa l-Ministru Frendo mar Toronto biex jiltaqa’ mal-Komunita’ Maltija u rappreżentanti ta’ l-għaqdiet Maltin, fil-“Villaġġ Malta” f’Dundas. Il-Ministru Frendo żar il-parroċċa ta’ San Pawl u ċ-Ċentru tal-Komunita’ Maltija fejn tkellem u spjega t-tibdil li sar riċentement fil-liġi taċ-Ċittadinanza f’Malta u l-estensjoni għaċ-ċittadinanza doppja lil aktar ġenerazzjonijiet ta’ dixxendenza Maltija u tkellem ukoll dwar il-Miri Strateġiċi tal-Politika Barranija ta’ Malta u l-impenn li dawn ipoġġu fuq in-nazzjon globali Malti, inkluż il-Maltin ta’ Barra.
Aktar tard il-Ministru Michael Frendo żar il-Melita Football Club.
Il-lum il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin mar f’Lisbona l-Portugall fejn se jingħaqad mal-Prim Ministru, Lawrence Gonzi f’laqgħa li se jkollhom mal-Prim Ministru Portugiż. F’Lulju li ġej, il-Portugall ser ikollu l-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en