Left arrow Go Back

Arranġamenti speċjali għas-servizz ta’ transport għal Lejlet Lapsi Notte Gozitana

PR0665
Date Icon 08/05/2007

Għall-ewwel edizzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana ser jiġu pprovduti arranġamenti speċjali għal trasport bl-art u bil-baħar sabiex tiġi ffaċilitata l-aċċessibilita’ lejn il-Belt Victoria u ċ-Ċittadella f’Għawdex, għall-avveniment mistenni ta’ bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Mejju.  

Dan ġie mħabbar dalgħodu waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet mill-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura u l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. 

Servizz ta’ trasport pubbliku b’tal-linja se jitlaq mill-Belt Valletta, Birgu, Luqa, Birkirkara, Mosta, Paola, Ħal Qormi u tas-Sliema għaċ-Ċirkewwa b’shuttle service nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju bejn is-2.00pm u s-6.00pm. Dan biex tkun iktar faċli għall-pubbliku in ġenerali li jattendi l-attivitajiet tas-Sibt filgħaxija f’Għawdex. Servizz lura miċ-Ċirkewwa għall-Belt Valletta u l-ibliet u l-irħula msemmija se jingħata mis-1.30am sal-5.30am tal-Ħadd filgħodu.  

Servizz ta’ trasport pubbliku se jingħata wkoll f’Għawdex b’shuttle service li titlaq mill-Port ta’ l-Imġarr lejn il-Belt Victoria mill-5.30pm sa nofs il-lejl tas-Sibt, b’sistema oħra shuttle li titlaq mill-Belt Victoria lejn il-Port ta’ l-Imġarr minn nofs il-lejl tas-Sibt sa l-4.30am tal-Ħadd filgħodu.  

Għall-benefiċċju ta’ l-Għawdxin u dawk kollha li jkunu fil-gżira, se jiġi offrut servizz ieħor speċjali mit-13-il raħal f’Għawdex kif ukoll mill-bajjiet tax-Xlendi u Marsalforn għall-Belt Victoria. Is-servizz permezz ta’ karozza tal-linja jitlaq kull tlett kwarti (45 minuta) bejn is-6.30pm u l-10.15pm (ħlief dak mir-raħal ta’ Kerċem li jitlaq bejn is-6.15pm u l-10.00pm). Servizz ta’ ritorn jingħata mill-Belt Victoria lill-istess irħula kull siegħa bejn nofs il-lejl tas-Sibt sat-3.00am tal-Ħadd.

Peress li l-parti l-kbira tal-belt se tingħalaq għat-traffiku, se jiġu operati tlett termini temporanji għall-karozzi tal-linja. Dawn se jkunu fi:a)      Pjazza Kennedy għall-passiġġieri min-Nadur, Qala, Għajnsielem, Xewkija u Xagħra;
b)Triq Papa Ġwanni Pawlu II: għas-servizz pubbliku miż-Żebbuġ, Għasri, Għarb, San Lawrenz, Kerċem u Santa Luċija; u,
c)Triq Karolina Cauchi: għat-trasport mix-Xlendi, Munxar u Sannat.

Se jiġi offrut servizz addizzjonali ta’ trasport, permezz ta’ minibuses, għall-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali mit-termini temporanji ta’ Triq Papa Ġwanni Pawlu II u Pjazza Kennedy lejn iċ-ċentru tal-belt.  

Il-kumpanija Gozo Channel ukoll se toffri arranġamenti ta’ trasport speċjali b’shuttle service li topera bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Is-servizz tal-Ġimgħa 18 u tas-Sibt 19, bejn nofsinhar u nofs il-lejl, se jingħata bi skont speċjali bil-passiġġieri jivjaġġaw bil-biljett ridott ta’ Lm0.60c filwaqt li sewwieqa ta’ karozzi li jivjaġġaw bil-karozza tagħhom jaqsmu bil-prezz ridott ta’ Lm3.60. 

Minbarra l-arranġamenti ta’ trasport speċjali fuq l-art u bil-baħar, qed tingħata kunsiderazzjoni partikolari għall-provvista ta’ servizzi ta’ ikel, b’mod partikolari għall-jum tas-Sibt. Iż-żona tal-Bus Terminus fir-Rabat se tinbidel f’żona ta’ ristoranti hekk kif għadd ta’ ristoranti Għawdxin se joffru selezzjoni wiesa’ ta’ ikel a’ la carte. Tfasslet ukoll żona għall-ikel take-away b’numru ta’ gabbani li se jkunu stazzjonati fi Triq Ġorġ Borg Olivier. Fl-istess ħin, ir-ristoranti u stabilimenti oħra ta’ l-ikel tal-Belt Victoria qed jiġu nkoraġġuti jestendu s-servizzi tagħhom matul il-lejl.

Il-latrini pubbliċi eżistenti se jinżammu miftuħa matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd filwaqt li numru ta’ latrini temporanji se jitwaqqfu f’żoni differenti madwar il-belt. Se jintramaw ukoll numru ta’ faċilitajiet ta’ l-ewwel għajnuna f’inħawi differenti, li se jikkumplimentaw is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li t-tnejn jinsabu fil-belt Victoria. 

Minn għada se jibda jitqassam bieb bieb f’kull dar f’Malta u f’Għawdex programm dettaljat ta’ l-attivitajiet kollha organizzati tul it-tlett ijiem, inkluż mappa dettaljata bl-attrazzjonijiet kollha identifikati. Il-programm se jinkludi wkoll lista tas-servizzi ta’ trasport, ta’ l-ikel u servizzi oħra. Numru limitat ta’ kopji se jitqassmu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel kif ukoll mill-belt Victoria nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju. Il-pubbliku li se jattendi qed jiġi mħeġġeġ jippjana minn qabel l-attivitajiet li jixtieq isegwi tul il-lejl jew it-tmiem il-ġimgħa. 

“Lejlet Lapsi Notte Gozitana hi waħda f’sensiela  ta’ festi popolari maħsuba li jagħmlu lill-poplu aktar konxju mill-kultura, l-arti u l-patrimonju ta’ pajjiżna. Iljieli bħal dawn qed jiftħu beraħ il-mużewijiet, knejjes u postijiet storiċi  għall-poplu u għat-turisti li jkunu f’pajjiżna. Huma wkoll attivitajiet tal-massa kif urew ferm tajjeb Notte Bianca u Notte Magica li ttellgħu f’Malta,” stqarr il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta Għawdex qed jingħata promozzjoni bħala destinazzjoni turistika differenti minn Malta, din l-attività mifruxa fuq tlett ijiem, għandha sservi ta’ vetrina ħajja għal dak li tista’ toffri l-gżira Għawdxija lil eluf ta’ Maltin li jitilgħu Għawdex u lit-turisti, li qed nieħdu kull inizjattiva biex narawhom jiżdiedu u hekk isaħħu l-ekonomija ta’ Għawdex.  

F’diskors qasir, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li qed tingħata attenzjoni qawwija lid-dettalji fl-organizzazzjoni ta’ l-arranġamenti loġistiċi b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-belt Victoria se tkun magħluqa kompletament għat-traffiku f’dawn il-jiem.  

Għawdex qiegħed jistenna influss qawwi ta’ viżitaturi ta’ żewġ kategoriji differenti – dawk li jivvjaġġaw is-Sibt biex jirritornaw dritt wara l-attivitajiet, filwaqt li numru ta’ viżitaturi jagħżlu li joqgħodu f’Għawdex għat-tmiem il-ġimgħa sħiħ. Dan joħloq importanza għall-kunsiderazzjoni ta’ l-immaniġġjar tat-traffiku u arranġamenti loġistiċi oħra, biex it-tlett ijiem ta’ attivitajiet jipprovdu esperjenza pożittiva lil kulħadd. Il-Ministru Debono ħeġġet lill-pubbliku biex jagħmel użu mit-trasport pubbliku li se jkun qed jingħata b’shbuttle service għall-kumdita’ ta’ dawk li jattendu.  

Lejlet Lapsi Notte Gozitana hija organizzata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura, sponsorjata min-National Lotteries Good Causes Fund – Ministeru tal-Finanzi, Bank of Valletta, Air Malta u Gozo Channel Company Limited; bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex u BPC. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb permezz tat-telefon bin-numru 21559832, jew permezz ta’ l-email: events@gozoculture.com inkella online: www.gozoculture.com. 

(Qed tiġi annessa l-iskeda ta’ trasport pubbliku u servizzi oħra li se jiġu offruti)

Trasport Pubbliku f’Malta 

Għaċ-Ċirkewwa

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan

PR261960

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow