OPRA F’ĠIEĦ IL-KOMPOŻITUR CHARLES CAMILLERI
L-Orkestra Nazzjonali flimkien mal-Management tat-Teatru Manoel se jtellgħu l-Opra ‘Il-Wegħda’, kompożizzjoni ta’ Charles Camilleri fuq il-librett ta’ Joe Friggieri. L-Opra ‘Il-Wegħda’ qed tittella’ f’ġieħ l-istess Charles Camilleri li għalaq 75 sena f’Settembru tas-sena l-oħra.
L-ewwel produzzjoni ta’ ‘Il-Wegħda’ saret fil-Ġonna ta’ San Anton fl-10 ta’ Awissu 1984 bħala parti mill-Maltafest, festival sajfi tal-performing arts. Din hi l-ewwel opra b’librett Malti li tiġbor taħlita ta’ kanzunetti, żfin u xogħol ieħor tal-palk fl-isfond ta’ villaġġ tradizzjonali Għawdxi.
L-opera ‘Il-Wegħda’ hi produzzjoni ta’ Joe Friggieri li fiha ser jieħu sehem il-kor Jubilate Deo Choir taħt it-tmexxija ta’ Christopher Muscat. L-Orkestra Nazzjonali ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Debrincat b’Marcelline Agius bħala leader. Il-koreografija ser tkun f’idejn Ms Clarissa Borg ta’ Creative Dance Studio. Il-kast jinkludi lil Rosabelle Bianchi bħala Marì, Charles Vincenti bħala Nikol, Albert Buttigieg bħala Sidor, Noel Galea bħala l-Kappillan u Sophie Grech bħala il-Ġara. Il-partijiet mitkellma ser isiru minn Teresa Micallef, Ninette Micallef u Marlene Schranz bħala seksieka u minn Martin Gauci u Teresa Gauci bħala l-buffi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda din l-Opra Maltija qal li kien xieraq li Charles Camilleri, l-aqwa kompożitur kontemporanju Malti, jingħata ġieħ f’għeluq il-75 sena tiegħu. Hu qal li Charles Camilleri għamlilna unur mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll barra minn xtutna u għalhekk kien xieraq li l-Orkestra Nazzjonali u t-Teatru Manoel jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex itellgħu din l-opra li l-istess Camilleri kkompona.
“F’dawn l-aħħar snin l-Orkestra Nazzjonali flimkien mat-Teatru Manoel kienu qed jagħmlu kull sforz biex itellgħu xogħol ta’ kompożituri Maltin. Hu qal li fl-aħħar ftit xhur ittellgħu xogħlijiet ta’ Nicolò Isouard, Vassalli, Carlo Diacono u Charles Camilleri. Dan kien sforz fid-direzzjoni t-tajba għaliex permezz tax-xogħlijiet ta’ dawn il-kompożituri kbar Maltin qed nuru li Malta għandha ħafna x’toffri fejn tidħol l-kompożizzjoni u l-eżekuzzjoni tal-mużika,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kunċerti li qed tagħti l-Orkestra Nazzjonali saru parti essenzjali mill-kalendarju kulturali tagħna. Hu qal li fl-istess waqt it-Teatru Manoel hu bejta ta’ attivita’ kulturali li qed tikber aktar ma qed jiżdiedu l-faċilitajiet fil-kumpless ta’ dan it-Teatru Nazzjonali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kemm l-Orkestra Nazzjonali kif ukoll it-Teatru Manoel jagħtu wkoll is-sehem tagħhom lejn is-settur turistiku u lejn l-isforzi li qed isiru biex ngħollu u ntejjbu l-prodott li noffru. Hu tenna li fi żmien meta Malta qed tintagħżel minn eluf ta’ barranin bħala vaganza ta’ esperjenza sew l-Orkestra Nazzjonali, kif ukoll it-Teatru Manoel kellhom kontribut qawwi x’jagħtu.
Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, li kien preżenti wkoll għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet, qal li n-National Lotteries Good Causes Fund qed jgħin finanzjarjament sabiex tkun tista’ tittella’ din l-Opra. Huwa qal li dan il-Fond qed igħin b’mod attiv lill-aspett kulturali ġewwa pajjiżna, u huwa ta’ pjaċir għalih li qed jgħin sabiex tittella’ Opra li hija xogħol kompożitur Malti.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech u s-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech ferħu lil Charles Camilleri f’għeluq il-75 sena tiegħu u awgurawlu ħafna aktar snin ta’ ħidma favur il-kultura tal-mużika f’pajjiżna.Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en