L-International House torganizza workshop f’Għawdex
Il-membri tal-International HouseWorld Organisation (IHWO) li hija għaqda ta’ skejjel li jgħallmu l-lingwi mferrxa madwar id-dinja, unanimament qablu li jiltaqgħu f’Għawdex fl-10 ta’ Mejju 2007, għal workshop annwali tagħhom.
L-IH Malta Gozo hija skola relattivament żgħira li toffri korsijiet fil-lingwa Ingliża u hija membru affiljat fl-International House. Din l-iskola li tinsab fir-raħal pittoresk ta’ l-Għarb f’Għawdex, toffri s-servizzi tagħha lil suq speċifiku tas-settur turistiku f’ambitu ta’ livelli għoljin fil-kwalita’ u nnovazjoni fit-tagħlim u t-taħriġ tal-lingwa.
Madwar tletin direttur tal-International House huma mistennija jattendu flimkien ma’ madwar sittin aġent turistiku li l-għan ewlieni tagħhom hu li jirreklamaw is-servizzi fit-tagħlim tal-lingwi offruti speċifikament mill-International House World Organisation. Dan il-workshop minbarra li se jesponi s-servizzi li wieħed jingħata mill-IH Malta Gozo f’dan il qasam, se jkun ukoll opportunita’ promozzjonali fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta.
L-International HouseWorld Organisation twaqqfet fl-1953 u bħalissa għandha bħala membri fi ħdanha 130 skola mxerrda f’erbgħin pajjiż f’kull kontinent tad-dinja. Hija tinsab fuq quddiem fost istituzzjonijiet oħra ta’ dan it-tip kemm ma’ dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim tal-lingwi lill-istudenti, kif ukoll fit-taħriġ ta’ l-għalliema li jaħdmu f’dan il-qasam.
Ħafna mill-iskejjel membri jgħallmu numru ta’ lingwi moderni minbarra l-Ingliż u l-korsijiet li jiġu offruti huma maħsuba kemm għal dawk li jinħtieġu tagħlim ġenerali kif ukoll biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li jaħdmu f’setturi kummerċjali speċifiċi. Din l-organizzazzjoni toffri wkoll servizzi ta’ konsultazzjoni fit-taħriġ ta’ l-għalliema, għażla ta’ għalliema kwalifikati flimkien ma’ servizzi oħra marbuta ma’ l-amministrazzjoni ta’ skola ta’ dan it-tip. Tingħata mportanza wkoll lill-iżvilupp ta’ materjal ta’ taħriġ neċessarju u fil-fatt ħafna mill-għalliema ta’ l-International House kitbu numru ta’ kotba li huma wżati bħala textbooks f’dan il-qasam edukattiv. Fuq kollox l-International HouseWorld Organisation tagħti mportanza lill-persuna li trid titgħallem, li tgħallem, il-persuni li jaħdmu flimkien u l-persuni li jikkomunikaw flimkien.
B’riferenza għal din l-attivita’, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono laqgħet din l-inizjattiva u esprimiet l-awgurju tagħha li dan il-qasam ikun settur turistiku ieħor li joffri opportunita’ lil Għawdex li jiġi rreklamat bħala destinazzjoni distinta. Il-Ministru semmiet ukoll kif Għawdex bis-saħħa tal-kultura bi-lingwistika tiegħu, f’dawn l-aħħar snin ibbenefika miż-żjajjar ta’ numru ta’ studenti kemm żgħażagħ kif ukoll adulti, li filwaqt li żaru lil Għawdex biex itejbu l-livell tagħhom fil-lingwa Ngliża, ħadu l-okkażjoni wkoll biex iqattgħu mumenti ta’ trankwillita’ fl-atmosfera idejali li jaf joffri Għawdex. Filwaqt li ferħet lid-diriġenti ta’ IH Malta Gozo għal din l-inizjattiva tagħhom, il-Ministru Debono esprimiet il-kunfidenza tagħha li Għawdex jibqa’ jibbenefika mis-suq tat-tagħlim tal-lingwi, speċjalment matul ix-xhur anqas popolari tas-sena.
Matul iż-żjara tagħhom id-delegati u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li ser jiġu għal dan il-workshop ser jingħataw l-opportunita’ li jżuru t-tempji pre-istoriċi tal-Ġgantija flimkien ma’ żjara fiċ-Ċittadella u l-veduti panoramiċi li wieħed jista’ jgawdi minn fuq is-swar. Hu wkoll ippjanat li dawn il-viżitaturi jduqu ikel tradizzjonali Malti waqt mawra f’razzett li joffri servizz agri-turistiku. Huma ser jittieħdu wkoll fil-villaġġ tas-snajja f’Ta’ Dbieġi. Iż-żjara tagħhom fil-gżejjer Maltin tiġi fit-tmiem tagħha f’Malta fejn ser jiġu murija l-IH Malta Junior Centre u ċ-Ċentru l-ġdid għall-adulti li l-iskola għandha fis-Swieqi.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en