L-ambaxxatur tal-kanzunetta Naplitana fid-dinja se jkanta f’Malta
Renzo Arbore, l-ambaxxatur għall-kanzunetta Naplitana fl-Italja u fid-dinja ser ikun Malta fit-28 ta’ Lulju fejn ser jagħti kunċert ‘live’.
Renzo Arbore waqqaf orkestra bi 15-il mużiċist fl-1991 biex jagħti ħajja mill-ġdid lill-kanzenetta Naplitana. Minn hemm ma ħarisx lura tant li mill-kunċert li ta f’Montreax fis-27 ta’ Luju 1991, baqa’ jipparteċipa b’mod regolari f’attivitajiet fi New York, Atlantic City, u Miami, Toronto, Perth, Adelaide, Melbourne u Sydney, Rio de Janiero, San Paolo, Caracas u Buenos Aires, Londra, Moska, Tokjo, Pariġi, Sevilla, Montecarlo u Ruma.
Renzo Arbore, li twieled fl-1937, f’Foggia, jinterpreta b’mod brillanti l-kanzunetta Naplitana. Bejn l-1992 u l-1998 Renzo Arbore ħareġ erba’ albums antoloġiċi intitolati: “Napoli. Punto e a capo”, “Napoli. Due punti e a capo”, “Napoli. Punto esclamativo!” u “Pecchè nun ce ne jammo in America?” li jiġbru fihom fost l-isbaħ melodiji Naplitani. Arbore ħareġ ukoll l-album “Sud(s)” fejn hemm Napolinita’ kompetament sudamerikana ta’ l-‘Orchestra Italiana’.
Renzo Arbore ser jinġieb Malta minn Easy Life Services li twaqqfet fl-14 ta’ Frar 2002 bħala TV Direct Company u matul dawn is-snin ġibdet l-fiduċja ta’ 55,000 klijent.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-kunċert minn Renzo Arbore u l-Orchestra Italiana waqt konferenza għall-media li saret fl-Antoinette Room, Corinthia Palace Hotel, Attard.
“Malta qiegħda bil-mod il-mod tieħu isem bħala destinazzjoni turistika mxaqilba lejn attivitajiet kulturali u mużikali ta’ kalibru. L-attivitajiet li qed isiru matul is-sena kollha mill-Gvern u mis-settur privat huma parti importanti mill-promozzjoni li qed nagħmlu biex nokkonsolidaw s-sehem ta’ pajjiżna mis-suq turistiku internazzjonali,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-preżenza f’pajjiżna ta’ kantanti popolari Taljani li żaruna f’dawn l-aħħar ftit snin qed twassal ukoll biex għadd ta’ Taljani jinżlu Malta biex isegwu l-kunċerti tagħhom u fl-istess waqt jieħdu vaganza fostna. Hu qal li dan kien turiżmu ġdid li kien qed jikkontribwixxi biex jikber in-numru ta’ Taljani li qed jiġu Malta għal vaganza.
“Is-sena li għaddiet żaru Malta 112,548 turist mill-Italja. Din kienet żieda ta’ 20,142 turist fuq l-2006. L-Italja hi llum it-tielet l-aktar pajjiż li minnu jiġu turisti lejn Malta wara r-Renju Unit u l-Ġermanja,” qal il-Ministru Zammit Dimech. Hu fakkar li parti minn din iż-żieda saret posssibbli wara li l-low cost carrier Meridiana bdiet topera titjiriet minn Bologna. Hu qal li n-numru ta’ turisti Taljani kompla kiber bl-introduzzjoni ta’ vjaġġi low cost mill-kumpannija Ryanair minn Pisa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena diġa’ żaru Malta 16,954 turist mill-Italja – 4,240 aktar mill-istess tliet xhur is-sena l-oħra. Hu qal li dan kien jirrappreżenta żieda ta’ 33.3 fil-mija.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li ried jawgura lil Easy Life Services suċċess f’din l-inizjattiva tagħhom. Hu qal li s-settur privat kien qed jagħti sehem qawwi fl-organizazzjoni ta’ attivitajiet u dan kien jindika li meta l-istakeholders jaħdmu flimkien, is-suċċess ikun wieħed garantit.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en