Left arrow Go Back

Attenzjoni partikolari lill-binjiet ta’ valur arkitettoniku u storiku ta’ pajjiżna

PR0623
Date Icon 02/05/2007

Lista twila ta’ xogħlijiet ta’ restawr mwettqa fl-aħħar snin u xogħlijiet ipprogrammati din is-sena li b’kollox ilaħħqu għal 25 kappella jew knisja madwar il-pajjiz kollu

It-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed twettaq proġett ieħor ta' restawr, dak tal-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid. Meta kien qed iżur ix-xogħlijiet, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit tenna li dan ix-xogħol hu “ornament” ieħor f’vetrina ta’ xogħlijiet ta’ restawr li saru fix-xhur u s-snin li għaddew, xogħol delikat u specjalizzat li qed isarraf f’konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.  

Il-knisja ta’ Sta. Ubaldesca kienet il-Knisja Parrokjali ta’ Raħal Ġdid għal bosta snin sakemm inbniet il-knisja ta’ Kristu Re fis-seklu l-ieħor. Din il-knisja kienet limitata biss għal parti ta’ wara nkluż is-sagristija u l-ġenb ta’ l-altar maġġur.  Meta l-popolazzjoni ta’ Raħal Ġdid bdiet tikber, inħass il-bżonn li din titkabbar.  Għalhekk fl-aħħar tas-seklu 19, il-knisja tkabbret billi ttawwlu l-assi prinċipali għal kif insibuha llum. 

Il-faċċati tal-knisja l-antika kienu fi stat ħazin ħafna, bi kwantita’ ta’ ġebel li beda jiddeterjora u jitmermer speċjalment fil-faċċati tal-knisja.  Għalhekk inħasset il-ħtiega li jitneħħa l-periklu u tiġi restawrata l-eqdem parti tal-knisja.  Ix-xogħol tar-restawr li qed isir jikkonsisti fil-konsolidazzjoni tal-ġebel permezz ta’ injezzjoni u tikħil b’materjal magħmul apposta. Fil-faċċati qed jiġu wkoll imkaħħla l-fili li kienu miftuħa sabiex titnaqqas il-ħsara.  

Il-Ministru Ninu Zammit spjega li x-xogħlijiet ta’ restawr jinkludu wkoll tindif tal-faċċati minn skorċa sewda, u ħmieg biologiku. Issewwa wkoll id-deffun tal-bejt li partijiet minnu kienu spiċċaw kompletament b’konsegwenza li ammont kbir ta’ ilma kien qed jidħol ġewwa.  Barra minn hekk qed jitneħħa wkoll ammont kbir ta’ kisi oħxon bis-siment fil-parti taz-zokklatura tal-binja sabiex jerġa’ jingħata nifs lill-ġebla.

Għalkemm x-xogħlijiet ta’ restawr għaddejjin fuq il-parti l-kbira tal-knisja, qed isir studju fuq l-istruttura sabiex tiġi determinata l-kawża ta’ konsenturi eżistenti kemm fuq il-faċċata l-ġdida tal-binja u anke tul l-assi prinċipali tat-troll tal-knisja. 

Ix-xogħlijiet fuq din il-knisja bdew f’Marzu li għadda u mistennija jiġu konklużi fis-sajf ta’ din is-sena.  

Fl-aħħarnett il-Ministru, filwaqt li rringrazzja lill-Kappillan tal-parroċċa ta’ Raħal Ġdid Dun Vincenz Cachia għall-koperazzjoni tiegħu, tenna li dawn il-knejjes u l-kappelli li kull raħal jew lokalita’ hu mżewwaq bihom, huma ġojjell kemm fl-arkitettura kif ukoll fl-istorja tal-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu għalhekk opportun li dawn il-binjiet ta’ valur jiġu kkonservati, rijabilitati u restawrati u dan qed isir grazzi għax-xogħlijiet intensivi u speċjalizzati li qed iwettqu l-ħaddiema tal-Ministeru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan

PR261960

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow