Left arrow Go Back

PUBBLIKAZZJONI ĠDIDA LI TIPPROMWOVI ATTIVITAJIET KULTURALI U ARTISTIĊI

PR0615
Date Icon 30/04/2007

RMF Publishing, bl-appoġġ ta’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta, ser tibda tippubblika kull xahar ktejjeb ta’ l-attivitajiet mużikali, kulturali, wirjiet, żfin, teatru u attivitajiet oħra mixxelanji li jkunu qed isiru f’Malta. F’dan il-ktejjeb ser ikun hemm ukoll sezzjoni dedikata għall-istorja u l-mużewijiet. Din il-pubblikazzjoni, li ser ikunu stampati minnha madwar 40,000 fix-xahar, ser titqassam mill-Uffiċċji ta’ l-Informazzjoni tal-MTA, u minn stabbilimenti turistiċi, l-aktar minn lukandi ta’ Ħames u Erba’ Stilel. Ser ikun hemm ukoll ammont għall-bejgħ li ser ikun bil-prezz ta’ euro. 

Il-qoxra ta’ din il-pubblikazzjoni ser tkun stampa ta’ xi attivita’ li tkun qed tiġi organizzata. L-ewwel qoxra ser tkun dwar it-tiġrija tal-power boats. Il-pubblikazzjoni ser timla vojt li kien ilu jinħass fis-suq. Il-pubblikazzjoni ser tkun  ta’ qies li tista’ tinżamm fil-but. 

“Biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv f’suq turistiku li qed jikber iżda li qed jinqasam fost aktar pajjiżi, Malta riedet tidentifika niċeċ speċifiċi li nistgħu nippromwovu b’suċċess fost it-turisti. Dan wassal lill-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta biex identifikat sitt niċeċ partikolari li fuqhom qed jinbena s-settur turistiku Malti.”  

Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda din il-pubblikazzjoni ġdida.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta hi mbierka minn storja twila li tmur lura 7,000 sena. Hu qal li minħabba l-qagħda strateġika tagħna f’nofs il-baħar Mediterran –  li għal żmien twil kien meqjus bħala l-Baħar tan-Nofs minħabba li d-dinja magħrufa kienet iddur madwar dan il-baħar –  Malta kienet okkupata mill-potenzi kollha li kienu jmexxu l-Ewropa tul is-snin li kollha ħallew il-marka tagħhom fuq pajjiżna.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li hu għalhekk li f’pajjiżna għandna siti preistoriċi, katakombi ta’ żmien l-ewwel insara, fdalijiet Rumani, ta’ żmien il-Kartaġiniżi, Għarab u n-Normanni. “Malta għaddiet minn qawmien ekonomiku, kulturali u soċjali qawwi fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li bnew il-belt kapitali, għalqu wara s-swar il-bliet tal-Birgu, l-Isla u Bormla, bnew fortifikazzjonijiet, knejjes u palazzi u ħallew warajhom wirt kbir artistiku u kulturali li ta lil pajjiżna dimensjoni Ewropea ferm qabel in-nazzjonijiet Ewropej qablu li jwaqqfu l-Unjoni Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li fakkar li anke l-Ingliżi ħallewlna patrimonju ta’ fortizzi, fortifikazzjonijiet u bini ieħor li kompla żejjen il-patrimonju Malti. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kobor ta’ l-istorja ta’ pajjiżna jkompli joħroġ mill-fatt li l-UNESCO ddikjarat bħala wirt dinji l-Ipoġew, is-siti Meġalitiċi u l-belt Valletta – probabilment l-ikbar konċentrazzjoni ta’ storja f’area ta’ 317-il kilometru kwadru. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien għalhekk li fost n-niċeċ identifikati għas-settur turistiku ta’ pajjiżna hemm dik tal-Kultura u l-Wirt Storiku. Hu qal li matul is-sena li għaddiet din in-niċċa attirat lejn  pajjiżna 143,460 viżitatur, jew kważi 13 fil-mija tat-turisti kollha li żaruna. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din in-niċċa hi destinata li tkompli tikber mhux biss għaliex il-Gvern qed jagħmel ħiltu biex jirrestawra, jirriabilita u jqiegħed għal użu tajjeb siti storiċi iżda anke għaliex fl-Ewropa u fid-dinja hemm numru dejjem akbar ta’ persuni li jinteressahom jżuru pajjiżi oħra biex jitgħallmu dwar l-għeruq tagħhom u dwar l-antenati tagħhom. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan

PR261960

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow