Left arrow Go Back

ATTIVITAJIET BIEX IFAKKRU JUM L-EWROPA

PR0601
Date Icon 26/04/2007

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Mejju jitfakkar Jum l-Ewropa.  Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dak il-jum se jġibu wkoll fit-tmiem tagħhom l-attivitajiet li kienu organiżżati f’pajjiżna biex ifakkru l-50 Anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma.  U f’Malta qed infakkru wkoll it-tielet anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 

F’Marzu li għadda kienu organizzati attivitajiet oħra biex infakkru l-50 Anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma fosthom l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien il-Paċi f’Hastings; quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u Servizz Ekumeniku fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann u l-Kunċert bid-Disa’ Sinfonija ta’ Beethoven fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. 

F’konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo qal li l-attivitajiet li se jsiru issa huma aktar immirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju: 

Attivita’ Sportiva u Kulturali għat-Tfal ta’ l-Iskejjel

Din se ssir fil-Cottonera Sports Complex f’Bormla fejn tfal ta’ l-iskejjel l-ewwel jippreżentaw numru ta’ żifniet tradizzjonali minn pajjiżi Ewropej, inkluż Malta u wara jkun hemm manifestazzjoni sportiva bis-sehem tat-tfal. 

Is-Sibt u l-Ħadd, 5 u 6 ta’ Mejju:

Football Tournament għat-Tfal

Dan se jsir fil-kumpless tal-Luxol Grounds f’Pembroke. Tfal mid-diversi ‘nurseries’ tal-Football imferrxa ma’ Malta se jinġabru f’dan il-kumpless għal dan it-tournament.  Kull ‘nursery’ se tirrappreżenta kull wieħed mis-27 pajjiż membri ta’ l-Unjoni Ewropea.  Mhux se ssir kompetizzjoni iżda esibizzjoni.  It-tournament ikun mifrux fuq jumejn. Il-parteċipanti kollha jingħataw tifkira ta’ din l-okkażjoni. 

Is-Sibt 5 ta’ Mejju:

Spettaklu ta’ Kant

Dan l-ispettaklu se jsir fil-Car Park fejn it-Tigulio f’San Ġiljan, mit-8.30 p.m. ‘l quddiem u hu maħsub biex jiġbed lejh iż-żgħażagħ.  S’issa diġa’ kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom uħud fost l-aqwa talent lokali fosthom il-YADA Dancers, Klinsman, Walter Micallef, Trilogy, Aldo Busuttil, Fabrizio, Claudette Pace u Chiara.  

L-Erbgħa, 9 ta’ Mejju:

Appuntament tat-Tfal ma’ l-Ewropa

Din hi attivita’ li nagħmlu kull sena f’Jum l-Ewropa.  Din is-sena se nagħmluh fis-Sala tal-Parlament fejn tfal minn skejjel differenti jirrappreżentaw id-diversi Kummissarji ta’ l-Unjoni Eworopea u jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar suġġetti partikolari u mbagħad jagħmlu mistoqsijiet lil Ministri, membri tal-Parlament ta’ Malta u tal-Parlament Ewropew u personalitajiet oħra.  L-attivita’ titmexxa mill-Ispeaker tal-Parlament Malti. 

Wara t-tfal jinżlu fil-bitħa tal-Palazz fejn jingħaqad magħhom il-President ta’ Malta, issir ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar ta’ Malta u l-Ewropa u jsir party żgħir ta’ l-okkażjoni. 

Il-Ministru Frendo ħabbar ukoll li fid-9 ta’ Mejju, l-Ministeru tiegħu se jistitwixxi “Preżentazzjoni dwar l-Ewropa”. Dan se jkun avveniment annwali li fih issir taħdita b’riflessjoni dwar l-Unjoni Eworpea.  F’din l-ewwel sena t-taħdita se tingħata mill-Ministru Michael Frendo nnifsu, li se jirrifletti dwar il-50 sena li jmiss fl-Unjoni Ewropea.

Ringrazzjamenti

Il-Ministru Frendo temm id-diskors tieghu billi “rringrazzja lill-Kumitat Nazzjonali li ħtarna biex jorganizza dawn il-festi; lill-iSpeaker tal-Parlament,  lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta; l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-belt Valleta; il-Fourm Malta fl-Ewropa u lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom biex setgħu jkunu organizzati dawn il-festi.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow