Left arrow Go Back

Iktar kotba ġodda għal-Libreriji t’Għawdex

PR0590
Date Icon 25/04/2007

Dalgħodu ġiet inawgurata wirja fil-Librerija Pubblika t’Għawdex fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Ktieb li tiġi ċċelebrata kull sena madwar id-dinja fit-23 t’April. 

Għal din l-okkażjoni hemm għal wiri madwar 600 ktieb ġdid qabel ma’ dawn jiżdiedu mal-kollezzjonijiet li hemm fl-istess Librerija Pubblika u l-Librerija għas-Self tal-Kotba li hemm fir-Rabat, il-Librerija fl-isptar Ġenerali t’Għawdex kif ukoll fil-ħdax-il librerija fl-irħula ta’ Għawdex. 

Il-kotba ġodda li inxtraw permezz ta’ fondi allokati mill-Ministeru għal Għawdex ser iżidu l-firxa wiesa’ ta’ kotba li hemm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’dawn il-libreriji. Is-suġġetti varji ta’ dawn il-kotba jindirizzaw il-bżonnijiet tal-pubbliku ġenerali kif ukoll ta’ l-istudenti minn livell primarju sa dak Universitarju. 

It-talba għas-servizzi mil-libreriji pubbliċi f’Għawdex f’dawn l-aħħar snin ilha kull ma jmur tiżdied permezz ta’ membri ġodda li japplikaw biex jisselfu l-kotba. Matul l-2006 kien hemm żieda ta’ 760 membru ġdid filwaqt li 5,900 persuna għamlu użu mis-servizz ta’ l-Internet, li qed jingħata fil-Librerija Pubblika wara li l-Ministeru għal Għawdex xtara apparat elettroniku s-sena ta’ qabel. Fl-aħħar sena ġew mislufa total ta’ 117,881 ktieb filwaqt li 135 tifel u tifla f’livell primarju attendew għal sessjonijet ta’ qari. Matul is-sena jiġu organizzati b’mod regolari żjarat  ta’ orjentazzjoni għal studenti flimkien ma’ l-għalliema u ġenituri tagħhom. 

Il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, li hija l-fonti prinċipali ta’ riferenzi f’Għawdex, offriet servizz lil madwar 3000 persuna matul is-sena 2006. L-introduzzjoni tas-sistema elettronika E-libraries issa tagħmilha possibli li wieħed jidħol fuq il-katalogu elettroniku tal-librerija permezz ta’ l-internet u jfittex l-informazzjoni li jeħtieġ. It-tiġdid ta’ kotba flimkien ma’ domanda biex jinżammu kotba li jkunu mislufa jistgħu jiġi effetwati bl-istess mod.  

F’diskors qasir li għamel waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, il-Kap tas-Segretarjat  Privat is-sur Anthony Borg, għan-nom ta’ l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, saħaq dwar l-importanza li għandu jingħata l-ktieb, minkejja l-era ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ informazzjoni teknoloġika li qed ngħixu fiha. Minbarra li jservi bħala mezz ta’ tagħlim u edukazzjoni, il-ktieb kien, għadu u jibqa’ ħabib tal-bniedem. Permezz ta’ qari ta’ letteratura klassika flimkien ma’ qari dwar storja u kultura, il-qarrej jiġi mogħni bi kwalitajiet ta’ bniedem kult. 

Huwa rrefera għall-kollezzjoni ta’ Melitensia esebita, li tagħmel parti minn għotja ta’ 759 ktieb li ġew miżjuda mal-kollezzjoni eżistenti fl-2006. Is-Sur Borg semma wkoll taqsima f’din il-wirja li ttellgħet fl-okkażjoni ta’ l-egħluq il-mitt sena mill-mewt ta’ Patri Manwel Magri SJ, li minbarra li kien edukatur, kien ukoll arkeologu u riċerkatur. Bejn l-1892 sal-1898, Patri Magri serva bħala Prefett ta’ l-istudji fis-Seminarju ta’ Għawdex fejn aktar tard serva wkoll bħala Rettur għal erba’ snin. Omaġġ ieħor f’din il-wirja qed jingħata lill-Maġġur Albert E Abela, li miet aktar kmieni din is-sena u li kien meqjus bħala ħabib kbir tal-librerija. Is-sur Borg faħħar din l-inizjattiva waqt li qal li minkejja li rridu nimxu maż-żmien, irridu wkoll napprezzaw lil dawk li ħadmu fil-passat biex il-gżejjer tagħna setgħu jiksbu l-livell ta’ edukazzjoni u kultura li qed ingawdu minnhom illum. 

Il-wirja ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-26 ta’ Mejju 2007.  

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-ktieb ser jiġu organizzati żewġ attivitajiet oħra fil-Librerija Pubblika tar-Rabat flimkien mal-Literacy Unit fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fis-26 ta’ April 2007 ser ikun hemm sessjonijiet ta’ qari għal studenti li jattendu r-raba’ sena fl-Iskola Konservatorju ta’ l-Isqof fir-Rabat u oħrajn mit-tielet sena ta’ l-iskola Primarja Rosa Magro fix-Xewkija. Il-Gimgħa 27 ta’ April 2007 ser jiġi ppreżentat ‘Sqaq l-Infern’, l-ewwel ktieb mit-Triloġija tal-Fiddien mill-awturi Simon Bartolo u Lorainne Vella. Għal din il-preżentazzjoni ser jattendu studenti minn Form 3 mill-Kumpless tal-Liċeo Ninu Cremona flimkien ma’ studenti tal-Form 2 mill-Iskola Konservatorju ta’ l-Isqof fir-Rabat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow