Left arrow Go Back

Ftehim bejn l-MTV u l-Malta Song Board

PR0588
Date Icon 25/04/2007

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech illum ħabbar ftehim milħuq bejn l-MTV, l-istazzjon televiżiv tal-mużika, u l-Malta Song Board  li permezz tiegħu mil-lum se jixxandru 168 spot ta’ 30 sekonda li huma ta’ reklam għal Malta u promozzjoni għall-kanzunetta “Vertigo”, li Olivia Lewis se tkanta fis-semi-finali tal-Eurovision Song Contest. L-MTV Europe hu segwit minn madwar 7.7 miljun persuna fl-Albanija, Armenja, Belġju (Flanders), Belarus, Bulgarija, Repubblika Ċeka, Ċipru, Georgia, Greċja, Ungerija, Islandja, Israel, Lussimburgu, Malta, Moldova, Repubblika Slovakkja u Ukrajna. 

Dan ir-reklam għal Malta, bejn issa u l-Eurovision Song Contest, qed jitħallas mill-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta. Ir-reklam fih messaġġ minn Olivia Lewis fl-isfond tal-kanzunetta Vertigo. 

“Il-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika qiegħda bħalissa fl-aqwa tagħha. F’din il-kampanja l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta tagħmel minn kollox biex tieħu l-aħjar riżultati mill-flus li tonfoq. Fil-każ tar-reklam fuq l-MTV, li għandu udjenza qawwija ħafna fost dawk kollha delettanti tal-mużika, l-MTA qed tilħaq l-iskop doppju li tagħmel reklam għal pajjiżna u reklam għal Olivia Lewis, li anke r-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha tista’ tkun ta’ promozzjoni għal Malta,” qal l-Ministru Zammit Dimech meta ħabbar il-ftehim. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-riżultati pożittivi li ksibna fl-aħħar sitt xhur fil-qasam turistiku huma r-riżultat ta’ ħidma qawwija mill-MTA biex tippromwovi lil Malta fis-swieq ewlenin tagħna u fi swieq oħra, l-aktar fl-Ewropa. Hu qal li ż-żieda fit-turisti hi wkoll r-riżultat ta’ titjiriet minn low cost carriers li qed jagħmlu titjiriet minn u lejn Malta u li fetħulna swieq turistiċi ġodda għal pajjiżna. 

“Fi żmien meta l-kompetizzjoni fil-qasam turistiku hi ħarxa aħna rridu nagħmlu dak kollu possibbli – fil-limitazzjonijiet finanzjarji tagħna – biex nattiraw turisti ġodda lejn pajjiżna,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li żied li dan kien jinkludi l-promozzjoni ta’ dak kollu li kien jagħmel minn pajjiżna destinazzjoni unika. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura, l-arti u l-wirt kulturali tagħna; it-tagħlim ta’ l-Ingliż; il-qagħda strateġika tagħna f’nofs il-baħar Mediterran; kif ukoll il-konferenzi u l-inċentivi kienu kollha niċeċ li rridu nippromwovu. Il-Ministru Zammit Dimech semma’ wkoll l-attivitajiet mużikali u kulturali ta’ kalibru internazzjonali li qed jiġu organizzati fuq bażi regolari f’Malta u Għawdex u li qed ipoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa ta’ attivitajiet kulturali u mużikali kbar. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħa l-okkażżjoni biex jawgura lil Olivia Lewis kull suċċess fis-semi finali tal-Eurovision Song Contest fejn ser tkun qed tirrappreżenta lill-poplu Malti kollu.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow