STQARRIJA MILL-MINISTRU TAL-FAMILJA U SOLIDARJETA` SOĊJALI
Xejn m’hija sorpriża l-istqarrija li ħarġet il-kelliema ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onorevoli Marie-Louise Coleiro Preca, dwar il-Benefiċċju ta’ l-Enerġija li ħabbar il-Gvern il-ġimgħa li għaddiet.
L-Onorevoli Coleiro Preca toħroġ stqarrija fuq stqarrija b’repetizzjoni liema bħala ta’ fatti magħżula minnha. Ma setax jonqos li anke għal dan il-benefiċċju, li minnu sejrin igawdu madwar 30,000 familja Maltin u Għawdxin, tipprova tgħaddi l-kredtu lill-MLP.
Il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ impenjat lejn il-poplu kollu u dejjem sab il-mezzi biex jgħin lil min hu l-aktar fil-bżonn. Meta fl-2005 kienet daħlet is-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma, il-Gvern mill-ewwel iddeċieda li bħala miżura temporanja tiġi estiża l-iskema li kien hemm oriġinarjament u li kienet tkopri biss ir-rebates fuq il-kera tal-meters tad-dawl u l-ilma. Minn din l-iskema kienu qed igawdu madwar 13,000 familja.
Issa din l-iskema evolviet f’Benefiċċju ta’ l-Enerġija fejn il-benefiċċjarji aktar milli rduppjaw.
L-Onorevoli Coleiro Preca, b’konvenjenza politika, insiet li fl-1998, fi żmien amministrazzjoni Laburista, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu splodew ’il fuq u dan mhux minħabba l-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali. Illum il-prezz taż-żejt hu ħafna drabi aktar għoli milli kien fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Laburista.
Mhux talli hekk, iżda llum il-ġurnata aħna nużaw żejt b’livell imnaqqas ta’ kubrit, li jfisser kwalità ta’ arja aħjar. Dan iż-żejt ma kienx jintuża fl-1998 u llum iż-żejt li kien jintuża dak iż-żmien m’għadux permess. Jekk wieħed jikkompara l-prezzijiet tal-kontijiet li kienu joħorġu fi żmien l-amministrazzjoni Laburista u l-prezzijiet li mbagħad daħlet l-amministrazzjoni Nazzjonalista naraw li, għalkemm illum għandna s-surcharge u qed nużaw żejt aħjar għall-ambjent (u għalhekk bi prezz ogħla wkoll), xorta waħda l-kontijiet tal-lum huma orħos minn dawk ta’ żmien l-amministrazzjoni Laburista.
L-Onor. Coleiro Preca nsiet tgħid ukoll li fl-1998 ma kienx hemm eżenzjoni jew għajnuna għal ħadd, ħlief għal kumpens b’mod limitat ħafna u mhux bil-quddiem, kuntrarju għal dak li qed iseħħ illum fejn l-amministrazzjoni Nazzjonalista fasslet benefiċċju li bih 30,000 familja qed isibu l-appoġġ li għandhom bżonn.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959