Left arrow Go Back

MIŻURA TA’ BENEFIĊĊJU GĦAL ELUF TA’ INDIVIDWI li mhux se jkollhom bżonn jimlew il-formola tat-taxxa

PR0581
Date Icon 24/04/2007

Kif il-Gvern kien ħabbar fil-Budget għal din is-sena, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni qed jintroduċi inizjattivi ġodda għall-benefiċċju ta’ ħafna ndividwi li ta’ kull sena huma obbligati li jimlew u jibgħatu d-dikjarazzjoni sempliċi (il-formola blu) jew il-formola tat-taxxa u s-self-assessment (il-formola ħadra).  Din il-miżura tikkomplimenta r-riforma li kienet introdotta fl-1999 bl-introduzzjoni tas-sistema tas-self assessment.

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, f’konferenza stampa ħabbar li wara li wettaq eżerċizzju ntensiv id-Dipartiment identifika numru ta’ persuni li jista’ ma jkollhomx l-obbligu li jibagħtu l-formola tat-taxxa.  Minflok, se jinħarġilhom mill-ewwel ir-rendikont tat-taxxa li se jkun maħdum fuq bażi ta’ informazzjoni li diġà għandu d-Dipartiment li minnha jista’ jiġi stabbilit id-dħul taxxabbli ta’ dawn il-persuni. L-informazzjoni li qed tintuża għal dan il-għan tinkludi: 

·        Dħul minn impjieg;

·        Dħul minn pensjoni lokali u/jew tas-Servizzi Ingliżi;

·        Dħul minn imgħax lokali li minnu ma nqatgħetx it-taxxa ta’ 15%;

·        Dħul minn trasferimenti ta’ proprjetà immobbli li ġiet suġġetta għal taxxa finali;

·        Dħul u taxxa minn ras il-għajn fuq dividendi mqassma minn kumpanniji kkwotati fuq il-Borża ta’ Malta;

·        Ħlasijiet ta’ miżati lil skejjel privati indipendenti. 

Fis-sentejn li għaddew id-dipartiment diġa’ nieda din l-inizjattiva fuq skala iżgħar indirizzata lejn numru ta’ pensjonanti u studenti u ħarġilhom ir-rendikont tat-taxxa mal-ewwel.  Fis-sena ta’ stima 2005 kienu biss 309 persuni minn 29,503 (1,04%) li xorta talbu l-formola, filwaqt li s-sena l-oħra 229 minn 30,730  (0.75%) għamlu l-istess wara li nħareġ ir-rendikont tat-taxxa. 

L-Onor. Tonio Fenech qal li huwa stmat li hemm iktar minn 130,000 taxpayer li din is-sena se jibbenifikaw minn din l-inizjattiva li mhux ser ikollhom bżonn li jimlew il-formola tat-taxxa.   Il-maġġoranza ta’ individwi li jikkwalifikaw taħt din il-miżura huma nies f’impjieg, pensjonanti jew studenti li jirċievu stipendju li dwarhom id-Dipartiment għandu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun stabbilit id-dħul taxxabbli li fuqu tinħadem it-taxxa dovuta.     

Hemm numru ta’ persuni oħra li ma jaqgħux taħt dan l-arranġament u għalhekk ser tinħarġilhom il-formola mill-ewwel.  Dawn jinkludu persuni li:

·        qegħdin fin-negozju;

·        għandhom dħul minn kera;

·        kellhom qligħ kapitali matul is-sena, li fuqu tħallset taxxa proviżorja;

·        għandhom pensjonijiet barranin,

·        kellhom xi impjieg barra minn Malta;

·        għandhom dħul minn investimenti barranin;

·        irċevew jew ħallsu xi manteniment;

·        inbidlilhom l-istat tat-taxxa (per eżempju żwieġ jew separazzjoni matul is-sena). 

Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm persuni li għalkemm jidher li jikkwalifikaw taħt l-arranġamenti l-ġodda xorta tinħarġilhom il-formola tat-taxxa.  Dan jista’ jiġri għaliex minkejja li d-dipartiment għamel l-almu kollu biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa, xorta jista’ jagħti l-każ li jkun hemm informazzjoni nieqsa, żbaljata jew mhux korretta mid-diversi sorsi li tista’ teskludi persuna minn dan l-arranġament.   Dawk li tinħarġilhom il-formola dejjem iridu jimlewha u jibgħatuha sad-data stipulata. 

Il-miżura l-ġdida tfisser anqas inkwiet, iffrankar ta’ ħin, u inqas spejjeż speċjalment għal dawk il-persuni li ta’ kull sena jkollhom imorru għand xi ħadd biex jimlilhom il-formola, jew jitolbu l-għajnuna tad-Dipartiment billi jattendu fl-uffiċċji tiegħu jew f’xi ċentru indikat apposta fejn jingħata dan is-servizz ta’ mili ta’ formola.  Barra minn hekk m’hemmx il-biża ta’ xi multa talli il-formola tkun intbagħtet tard.   Fuq kollox, f’ħafna każi t-taxxa dovuta minn dawn il-persuni tkun diġa nġabret matul is-sena taħt il-Final Settlement System. 

L-arranġament mhu bl-ebda mod jinnega d-dritt jew l-obbligu ta’ self-assessment għaliex dawk il-persuni li ma jaqblux mad-dħul taxxabbli kif indikat fir-rendikont tat-taxxa jridu jitolbu l-formola biex jimlewha.   Dan jistgħu jagħmluh billi jindikaw u jibgħatu lura dik il-parti pprovduta għal dan il-għan fir-rendikont innifsu. Jistgħu ukoll jagħmlu użu mis-servizzi elettroniċi pprovduti mid-dipartiment.  

Din is-sena d-dipartiment saħħaħ is-servizz biex tintbagħat il-formola tat-taxxa fuq l-Internet.  Min se juża dan is-servizz ser ikollu aċċess għall-informazzjoni li diġa għandu d-dipartiment bħalma huma dħul minn impjieg, imgħax li minnu ma nqagħtetx it-taxxa finali ta’ 15% u dettalji dwar pagamenti li jkunu saru matul is-sena.   Permezz ta’ din l-informazzjoni l-mili tal-formola u l-kalkulazzjoni tat-taxxa ser ikun iktar faċli u jiġi evitat li jitħalla xi dħul barra.  

L-aċċess għal dan is-servizz jista jsir permezz tal-E-id.   Iżda għal min m’għandux l-E-id, id-dipartiment ser jipprovdi login u password għal dawk li jixtiequ jużaw dan is-servizz.  Dan huwa arranġament temporanju sa ma kulħadd ikollu l-E-id, biex wieħed xorta jkun jista’ juża s-servizzi on-line tad-dipartiment.       

Id-dipartiment se jinforma lil dawk li għandhom jibaghtu l-formola tat-Taxxa kif japplikaw biex jużaw is-servizzi on-line.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow