STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOCJALI
B’referenza għall-istqarrija ta’ l-Onor. Coleiro Preca dwar il-problema ta’ l-abbuż tad-droga f’pajjiżna, dwar programmi ta’ prevenzjoni u servizzi, u l-effetti tagħhom, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq jikkjarifika dan li ġej.
Sedqa, l-Aġenzija kontra l-Abbuż tad-Droga u l-Alkoħol, tenfasizza fuq l-edukazzjoni permezz tal-programmi speċjalizzati ta’ prevenzjoni li toffri u li qed jilħqu diversi udjenzi fl-iskejjel, fil-komunità u fil-post tax-xogħol.
Sedqa tagħti ħafna importanza lit-tfal u lill-edukazzjoni tal-ħajja u fil-fatt is-Servizzi ta’ Prevenzjoni ta’ l-Aġenzija jikkoordinaw diversi attivitajiet fl-iskejjel li kull sena jilħqu eluf ta’ studenti, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom permezz tal-korsijiet tal-parenting skills mmexxija mill-Aġenzija. L-għan prinċipali ta’ Sedqa hu li tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni li hemm bejn l-Aġenzija, l-edukaturi u l-ġenituri sabiex ikun hemm relazzjoni tajba li twassal lit-tfal għal tagħlim u deċiżjonijiet pożittivi f’ħajjithom.
Kull ħajja li tintilef minħabba l-vizzju tad-droga hija traġedja. Madanakollu dan ma jfissirx li l-ħidma li qed titwettaq f’dan is-settur mhux qed jagħti l-frott u mhux qed ikollu s-suċċessi tiegħu. Sfortunatament, dawn l-istejjer pożittivi ma tantx nisimgħu fuqhom fl-aħbarjiet. Barra minn hekk, l-Onor. Coleiro Preca bl-ebda mod ma tista’ tgħid li fl-assenza ta’ dawn is-servizzi is-sitwazzjoni kienet se tkun aħjar, u għalhekk minħabba li dan il-Gvern iħaddan bis-sħiħ l-individwu u l-importanza li kull persuna għandha fis-soċjeta Maltija, anke storja ta’ suċċess unika hija eżempju ċar li l-programmi mhumiex falliment kontra l-jasar tad-droga.
L-Onor. Coleiro Preca assumiet ukoll li l-Gvern “ma jagħtiex l-attenzjoni li tant hija meħtieġa għal prevenzjoni”. Iżda b’kuntrarju għal dan li qed jingħad, tajjeb insemmu li fis-sena skolastika 2005 – 2006, il-programmi ta’ prevenzjoni ta’ Sedqa laħqu madwar 10,000 student tat-3 u l-5 sena tal-primarja. Aktar minn 30,000 ktejjeb tqassmu lill-istudenti tal-primarja, filwaqt li aktar minn 2,000 CD-ROM interattiva tqassmu lill-istudenti tal-Year 1. Dan il-materjal edukattiv hu intenzjonat li jintuża’ kemm fil-klassijiet ma’ l-għalliema, kif ukoll fid-dar bejn it-tfal u l-ġenituri. Programmi edukattivi oħra huma ppreparati u mgħoddija wkoll lill-istudenti ta’ l-iskejjel sekondarji. Dan kollu minbarra l-ħafna xogħol siewi ta’ prevenzjoni li jsir mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni permezz ta’ l-għalliema tal-PSD.
Interventi oħra ta’ prevenzjoni jsiru wkoll fuq il-postijiet tax-xogħol. Dawn il-programmi huma kollha megħjuna minn materjal informattiv li jitqassam b’mod regolari lill-pubbliku, u minn numru kbir ta’ attivitajiet li jsiru fil-kommunità bħal diskussjonijiet, laqgħat, korsijiet ta’ parenting skills, programmi fuq il-mezzi tax-xandir, attivitajiet għaż-żgħażagħ, u kollaborazzjoni ma’ aġenziji u entitajiet oħra bħall-Kunsilli Lokali.
Sedqa toffri spettru wiesa’ ta’ servizzi ta’ kura lil persuni ta’ kull età bi problema ta’ droga. F’Malta r-rata ta’ persuni bi problema ta’ droga li jirrikorru lejn dawn is-servizzi hi għolja meta kkomparata ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Dan juri li s-servizzi f’Malta huma aċċessibbli u li numru ta’ persuni bi problema ta’ droga qed jintlaħqu u qed jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn. L-għażla wiesa’ ta’ servizzi li toffri l-Aġenzija tippermetti wkoll li persuna bi problema ta’ droga tista’ tibqa’ għaddejja faċilment bil-pjan ta’ kura minn fażi għall-oħra.
Is-servizzi ta’ kura fil-kommunità pprovduti minn Sedqa laħqu 415 persuna bi problema ta’ droga fis-sena 2001. Din il-figura żdiedet b’19% għal 494 fis-sena 2006. Sedqa toffri wkoll it-Teen Support Service, servizz immirat lejn żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ abbuż jew li għadhom kif bdew jabbużaw minn sustanzi. Dan it-Team ħadem ma’ ‘l fuq minn 120 persuna fis-sena minn meta żviluppa aktar dawn l-interventi fis-sena 2005.
Fl-2001, in-numru ta’ klijenti fis-Substance Misuse Out-Patients Unit (iċ-Ċentru tad-Detox ta’ l-Aġenzija Sedqa) kien ta’ 935, u żdied matul is-snin għat-total ta’ 1,094 fl-2006. Klijenti li rrikkorrew għad-ditossifikazzjoni fis-Substance Misuse In-Patients Unit ta’ l-Aġenzija żdied minn 170 fl-2001 għal 247 fl-2006. Fil-programm ta’ rijabilitazzjoni residenzjali mid-droga ta’ Sedqa, Komunità Santa Marija, kien hemm ukoll żieda minn 63 klijent fl-2001 għal 80 fl-2006.
Flimkien ma’ dawn is-servizzi, Sedqa toffri wkoll servizzi fil-komunità u fuq bażi residenzjali lil persuni bi problema ta’ alkoħol u/jew logħob ta’ l-ażżard. Dawn is-servizzi huma megħjuna kollha minn servizzi supplimentari bħal Terapija tal-Familja u Servizzi Psikoloġiċi.
L-informazzjoni hija strument importanti ħafna sabiex il-poplu jkun mgħarraf dwar dak li jkun qiegħed iseħħ madwaru. Għaldaqstant, jekk l-informazzjoni li tingħata ma tirriflettiex ir-realta tal-fatti dan huwa nuqqas lejn iċ-ċittadini kollha.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959