Investiment ta’ Lm200,000 (€465,874) f’sena għall-bini ta’ toroq residenzjalI f’Ħaż-Żabbar
Il-Gvern s’issa investa mal-Lm200,000 (€465,874) fil-bini ta’ 7 toroq residenzjali f’ Ħaż-Żabbar, li hija l-lokalità li għandha l-akbar numru ta’ toroq ġodda x’jinbnew fost l-47 lokalità li jidhru fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008.
Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol illum wara nofsinhar akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li Ħaż-Żabbar kien fost il-lokalitajiet li bbenefika l-aktar minn investiment fil-bini ta’ toroq ġodda fl-aħħar sena.
“Tnejn mill-period contracts li ngħataw fi tmiem is-sena li għaddiet b’valur ta’ madwar Lm60,000 (madwar €140,000) kienu għal xogħolijiet f’Ħaż-Żabbar. Peress li Ħaż-Żabbar hija l-aktar lokalità f’Malta li għandha toroq residenzjali ġodda x’jinbnew, ħassejna l-bżonn li nagħtuha aktar attenzjoni sa’ mill-bidu tat-twettiq tal-Programm tagħna,” qal il-Ministru.
It-toroq li qed jinbnew permezz taż-żewġ period contracts li ħarġu fis-26 ta’ Diċembru kienu Misraħ Wignacourt, Triq l-Għasel, Triq il-Baħrija, parti minn Triq Bieb is-Sultan u Triq G. Micallef. Malli jitlesta x-xogħol fuq dawn it-toroq ikun jista’ jibda dak fuq Triq Alessio Erardi li kienet inħarġet bħala tender separata is-sena li għaddiet. Ta’ min isemmi wkoll li s-sena l-oħra l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta kienet iffinanzjat ukoll il-bini ta’ Triq Patri Taddew Schembri u stormwater culvert bejn Triq l-Iskola u Triq is-Santwarju biex tittaffa l-problema ta’ l-għarar mill-ilma tax-xita.
Il-valur totali tax-xogħolijiet li saru f’din il-lokalità fl-aħħar tnax -il xahar jaqbeż il-Lm200,000 (€465,874).
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq faħħar lill-kuntrattur li kien qed jaħdem fuq dawn it-toroq talli ser ikun fost l-ewwel li lesta x-xogħolijiet li kellu fil-period contract tiegħu. Dawn it-toroq fil-fatt ser ikunu qed jingħataw it-tarmak sa’ tmiem din il-ġimgħa.
“Dan il-kuntrattur kien wieħed minn dawk li kienu eleġibbli biex jieħdu wieħed mill-period contracts il-ġodda li ttellgħu bil-polza l-ġimgħa l-oħra. B’hekk ser ikun jista’ jimmobilizza l-ħaddiema tiegħu fuq lant ieħor ftit jiem wara li jlesti x-xogħol tiegħu f’Ħaż-Żabbar. Dan huwa xhieda li s-sistema tal-period contracts mhux biss qed twassal biex ix-xogħol isir sew u fil-ħin, iżda qed isservi ta’ ġid anke għall-kuntratturi li qed jingħataw xogħol b’ritmu kostanti,” qal il-Ministru.
Hu żied jgħid li l-Awtorità ser tkun qed toħroġ period contracts ġodda fil-jiem li ġejjin hekk kif jitlestew aktar mit-23 kuntratt oriġinali li ħarġu f’Diċembru. Il-kuntratti ġodda ser jinkludu wkoll xogħolijiet ġodda f’Ħaż-Żabbar.
“Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jwettaq il-Programm li għandu għall-bini tal-bqija tat-toroq residenzjali l-oħra li hemm x’jinbnew f’Ħaż-Żabbar biex inwasslu fihom ukoll it-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ għexieren ta’ familji li joqgħodu fl-inħawi li qed inżuru llum,” temm jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959