Belt Valletta Aċċessibbli
Wara xhur ta’ diskussjonijiet, bl-iskop li jinħoloq bilanċ ġust, il-Gvern ħabbar il-mod li bih il-Belt Valletta se ssir aktar aċċessibbli. Dettalji dwar dan ingħataw mill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija tal-Informazzjoni, Austin Gatt u l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.
L-istrateġija biex il-Belt tkun aktar aċċessibbli hija msejsa fuq l-introduzzjoni ta’ żona pedonali fil-Belt Valletta kif ukoll Aċċess Kontrollat għall-vetturi.
Il-Ministru Austin Gatt, fid-diskors tiegħu spjega li huwa l-għan tal-Gvern li l-qalba tal-Belt Valletta tingħata ħajja ġdida li minnha għandha tibbenefika l-komunità kummerċjali u r-residenti Beltin. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li l-qalba tal-Belt Valletta issir u tkun aċċessibli bl-istess mod li huma msebbħa u aċċessibbli ċ-ċentri ta’ bliet oħra fl-Ewropa.
Il-Ministru Gatt spjega li kienet biċċa xogħol diffiċli biex jinħoloq il-bilanċ bejn l-interessi konfliġġenti tar-residenti, tal-ħaddiema u l-komunità kummerċjali. Huwa spjega li r-residenti għandhom għax ikunu sodisfatti għax bejn is-7.00 a.m. u s-6.00 p.m. ser jiddaħħlu miżuri li jżidu l-limitazzjoni fuq id-dewmien ta’ karozzi li ġejjin minn barra l-Belt; ir-ring road tal-Belt ser ikollha areas riżervati għalihom filwaqt li fuq kollox, għandhom għax ikunu sodisfatti li ser ikun hemm eżenzjoni għat-tfal tal-anzjani residenti fil-Belt Valletta.
Il-Komunità kummercjali għandha għax tkun sodisfatta għax kif dejjem xtaqet, se tiġi abolita l-V Licence, u b’hekk issa kull karrozza ser tkun tista’ tibda tidħol fil-Belt Valletta. Din għandha twassal biex jiżdied il-kummerċ. Dan minbarra t-titjib fl-urbanistika taċ-ċentru tal-Belt bl-introduzzjoni taż-żona pedonali u skema ta’ parkeġġ li tinkoraġġixxi turnover ta’ xerrejja fit-toroq kummerċjali.
Għal min jaħdem il-Belt Valletta, għandu għax ikun hemm sodisfazzjon għall-fatt li ‘Park and Ride’ kienet idea ta’ suċċess li qed tintuża minn ħafna minn dawn il-ħaddiema, filwaqt li r-restrizzjonijiet ta’ aċċess huma limitati għaż-żona ċentrali tal-Belt, bir-ringroad ta’ madwar il-Belt tkun barra mis-sistema.
Iż-żona pedonali ser tinkludi partijiet minn Triq l-Ordinanza, Triq Nofs in-Nhar, Triq Melita, Triq San Ġwann, Triq Santa Lucija, Triq il-Merkanti, Triq Zakkarija, Triq ir-Repubblika u Triq id-Dejqa (ara Mappa Annessa).
Fil-waqt li ż-żona pedonali ser tiġi implimentata fil-25 ta’ April is-sistema ta’ l- Aċċess Kontrollat ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju li ġej. Fl-istess jum li ser tibda titħaddem is-sistema, ser tiġi abolita l-V License.
Il-Ministru Mugliett fisser li s-sistema ta’ l-Aċċess Kontrollat ser titħaddem mill-kumpanija CVA Technology Limited li kienet rebħet sejħa għall-offerti li ħarġet is-sena l-oħra. Din is-sistema ser tkun ibbażata fuq regolamenti li ser jiġu pubblikati f’Avviż Legali fil-Gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin.
Minbarra li se jservi ta’ qafas għat-tħaddim tas-CVA, l-Avviż Legali jsemmi wkoll dawk l-eżenzjonijiet li ser japplikaw minn meta tibda titħaddem is-sistema. Il-Ministru Mugliett spjega li s-sistema ta’ l-Aċċess Kontrollat hija waħda minn bosta komponenti oħra li kollha huma maħsuba biex itejbu l-aċċess lejn il-Belt. Dawn jinkludu l-Park and Ride, is-servizz ċirkolari tat-trasport pubbliku (li diġa huma fis-seħħ) kif ukoll l-Electric Cabs, il-Valletta Vertical Connection u s-Sea Ferries li mistennija jiġu mplimentati fix-xhur li ġejjin.
Eżenzjonijiet
Il-vetturi li ser jiġu ezentati huma dawk tal-qraba ta’ residenti tal-Belt illi għandhom aktar minn 61 sena; ser ikunu jistgħu jirreġistraw il-vetturi għal kull dixxendent ta’ l-ewwel ġenerazzjoni. Fejn ma jkun hemm ebda vetturi reġistrati fuq id-dxxendenti ta’ l-ewwel ġenerazzjoni, jkunu jistgħu jiġu reġistrati sa’ żewġ vetturi fuq qraba immedjati oħra. Din ir-reġistrazzjoni ser tinkludi ħlas ta’ Lm20 kull sena wara li ssir applikazzjoni għand il-Kunsill Lokali.
Eżenzjoni oħra ser tkun għal min għandu garaxx fil-Belt. Sid il-garaxx (anke jekk m’hux resident) ikun jista’ japplika għal eżenzjoni għal numru ta’ vetturi li jkun jiflaħ il-garaxx tiegħu. Dawn dejjem ikunu jridu jipparkjaw fl-istess garaxx meta jidħlu l-Belt. Fil-fatt jekk il-karozza tinstab ipparkjata fil-Belt Valletta iżda barra l-garaxx, l-eżenzjoni tiġi sospiża għal sena u tingħata multa. Din l-eżenzjoni wkoll tinvolvi ħlas ta’ Lm20 kull sena għal kull vettura bl-applikazzjoni għand il-Kunsill Lokali.
Fil-waqt li persuni b’diżabiltà li jaħdmu l-Belt ser ikunu eżenti mill-iskema, persuni li għandhom Blue Sticker li ma jaħdmux fil-belt Valletta jingħataw Lm20 kreditu fis-sena fuq l-użu tas-sistema. Il-bejjiegħa tal-Monti ser ikollhom eżenzjoni mis-sistema 90 minuta qabel u wara l-ħinijiet tal-monti; bl-applikazzjoni għand il-Kunsill Lokali.
Vetturi li jintużaw biex jsiru deliveries regolari lill-ħwienet fiż-żona kontrollata ser jingħataw aċċess liberu bejn is-1.30 p.m. u l-4.00 p.m.. Se jkunu eżenti wkoll vetturi uffiċjali u karozza kull wieħed tal-Membri tal-Parlament. Se jiġu aboliti l-parkeġġi riservati tal-lum inkluż ta’ diretturi fis-servizz pubbliku li wkoll m’hux se jkunu eżentati mill-ħlasijiet dovuti fiż-żona.
Mingħajr dubju l-ikbar benefiċjarji ta’ din is-sistema ser ikunu ir-residenti tal-Belt Valletta li wkoll huma eżentati. Il-kriterji biex vettura tingħata status bħala waħda ta’ resident tal-Belt Valletta trid tkun fiż-żona ta’ restrizzjoni għal mill-inqas sagħtejn konsekuttivi bejn is-1.00 a.m. u l-5.00 a.m. għal mill-inqas 15-il lejl kull xahar. Dan il-kriterju ser jiġi kkalkulat mis-sistema awtomatikament – bl-ebda bżonn ta’ reġistrazzjoni. Dawk li jaħdmu barra l-Belt bil-vetturi tagħhom f’dan il-ħin jistgħu jitolbu għal eżenzjoni bil-miktub lill-Kunsill Lokali.
Vetturi oħra li huma eżentati jinkludu vetturi ta’ emerġenza, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi ta’ trasport pubbliku minbarra vetturi self-drive, muturi u vetturi li jġorru 10 persuni jew aktar. Il-kriterji għall-eżenzjonijiet ser jiġu reklamati b’mod estensiv fuq il-mezzi tax-xandir. Ir-reġistrazzjonijiet jiftħu l-ġimgħa d-dieħla.
Waqt il-Konferenza ta’ l-aħbarijiet saret preżentazzjoni minn David Schranz f’isem il-kumpanija CVA li fiha ingħataw dettalji dwar kif ser tibda topera din is-sistema.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959