Iffirmat il-Kuntratt għal bini tad-Dar Residenzjali għall-Anzjani fil-Mellieħa
Fil-Ministeru tas-Saħħa ġie iffirmat il-kuntratt bejn il-gvern u l-Care Malta Mellieħa Ltd., għal bini u t-tmexxija tad-Dar Residenzjali għall-Anzjani fil-Mellieħa. Dan huwa l-ewwel kuntratt taħt public-private partnership scheme li qiegħed jiġi ffirmat bejn il-gvern u s-settur privat. Is-Sur Frank Mifsud, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u s-Sur Francis Attard, Direttur tal-Kuntratti ffirmaw għan-naħa tal-Gvern, filwaqt li s-Sur Nazzareno Vassallo iffirma għal Care Malta Mellieħa Ltd. Il-Ministru Deguara u Segretarji Parlamentari Tonio Fenech u Helen D’Amato assistew għall-iffirmar.
L-Onor. Helen D’Amato minn naħa tagħha tkellmet dwar id-Dar tal-Mellieħa. Hija qalet li din id-dar li ser ikollha 106 kamra u ser takkomoda 130 anzjan, ser tinbena fuq il-kunċett gdid tal-Public Private Partnership. Dan it tip ta’ PPP huwa differenti minn dak li diġà għandna fid-djar ta’ Bormla u ż-Żejtun u anke x-xiri tas-sodod fid-djar privati. Hija qalet li bħalissa għandna 124 klijenti fi tlett idjar, u għadna kif ikkonkludejna ftehim ma’ dar oħra. Bħalissa għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-knisja.
Is-Segretarju Parlamentari D’Amato tkellmet dwar is-servizzi li ser jiġu pprovduti f’din id-dar. Hija qalet li din id-Dar ser tilqa’ fiha kemm anzjani indipendenti, semi-dipendenti kif ukoll anzjani dipendenti. Hija kompliet tgħid li l-Gvern ħaseb sabiex parti mid-dar tkun mgħammra bl-apparat neċessarju bħal piped gases, suction pumps u sodod apposta sabiex kwalunkwe anzjan li jinbidillu l-istat ta’ dipendenza jibqa’ jiġi kkurat fid-dar ta’ l-anzjani sakemm dan ikun possibbli. Tajjeb li niftakru illi d-dar hija totalment u kompletament aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Id-dar tal-Mellieħa hija maħsuba sabiex tiprovdi wkoll high dependency area, sala ta’ fiżjoterapija għall-anzjani tad-dar, kappella, Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità kif ukoll għal dawk l-anzjani residenti fid-dar, u berġa għall-użu tal-persuni tal-lokalità.
Dwar it-time frames marbuta mad-Dar tal-Mellieħa l-Onor. D’Amato qalet “il-kuntrattur għandu sena mil-lum sabiex jibni u jibda jopera din id-dar.”
Helen D’Amato qalet li d-Dar tal-Mellieħa hija l-ewwel dar tal-Gvern li kienet ippjanata kif ukoll sejra tinbena fuq l-iskema ta’ Public Private Partnership. F’din it-tip ta’ skema, il-kuntrattur li sejjer jibni u jopera din id-dar, huwa obligat li joħroġ is-somma kapitali tal-bini u l-manutenzjoni tad-dar filwaqt li l-Gvern huwa obbligat li jibda jħallas għas-servizz mgħoti mill-kuntrattur privat meta d-dar tibda topera. Għalhekk, il-Gvern ser jevita l-ħruġ ta’ somma kapitali u r-riskju marbut mal-bini tad-dar u r-riskji kemm finanzjarji kif ukoll ta’ bini sejjer jerfagħhom il-privat.
L-Onor. D’Amato kompliet tgħid li l-Gvern huwa marbut li jipprovdi l-kura medika, jiġifieri, nursing care għar-residenti u ser ikun qiegħed iħallas sabiex jingħata servizz ta’ standard għoli fejn jidħlu il-hotel services. Il-kuntrattur privat, barra li jkun ipprovda l-kapital għall-bini tad-dar sejjer jipprovdi l-Hotel Services.
Għall-ewwel darba, il-kuntrattur huwa marbut b’manwal ta’ operat ibbażat fuq output specifications li jispeċifika l-istandard u l-kwalità tas-servizz li għandu jingħata.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech qal li l-kunċett tal-Public Private Partnership huwa mezz innovattiv li bih il-Gvern bi sħab mas-settur privat, iwettaq numru ta’ proġetti fl-interess tal-komunità. Dan il-kunċett jaħdem fuq ftehim li jsir bejn l-istess Gvern u l-kuntrattur magħżul għall-proġett partikolari, fejn jiġi garantit mhux biss il-kwalità tal-bini u l-istruttura, imma anke wkoll il-kwalità tas-servizz provdut.
Il-Public Private Partnership li qed jiġi ffirmat illum fir-rigward tad-dar tal-anzjani fil-Mellieħa huwa l-ewwel xorta tiegħu f’Malta.
Għalkemm kellna numru ta’ progetti li saru fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ PPPs, fost l-oħrajn dak tal-landscaping, l-estensjoni tad-dar ta’ l-anzjani taż-Żejtun, u l-provvista tad-dawl tat-toroq mill-Kunsilli Lokali, dan hu l-ewwel kuntratt li jħaddan b’mod sħiħ il-mudell li l-ħlas hu kompletament dipendenti mill-kwalità tas-servizz li jkun qed jiġi provdut.
Il-vantaġġi ta’ dan it-tip ta’ kuntratt huma diversi:
· Il-Gvern mhux qed jixtri jew jibni l-binja hu imma qed jixtri servizz fuq numru ta’ snin, f’dan il-każ 25 sena.
· Il-Gvern jibda jħallas meta l-proġett jitlesta u s-servizz jibda jingħata, li jfisser li għalkemm il-proġett hu stipulat li jrid jitlesta fi żmien sena, jekk dan idum il-Gvern ma jibdiex iħallas qabel ma jitlesta u s-servizz jibda jingħata. B’hekk il-piż finanzjarju tad-dewmien ikollu jerfgħu l-kuntrattur.
· Il-kuntratt jassigura kwalità f’dak li hu l-infrastruttura u s-servizz mogħti billi l-ispiża tal-manteniment u l-upkeep ser ikun responsabiltà tal-kuntrattur. B’hekk, jekk ix-xogħol ma jkunx tal-kwalità stipulat, ser ikollu jħallas għaliha l-kuntrattur, għax jekk ikollu spejjeż ta’ manutenzjoni għolja dan mhux ser ikun jista’ jitlob ħlas addizzjonali għalihom.
· Meta s-servizz jibda jingħata, il-Gvern ikun obligat li jħallas uniterycharge ta’ Lm96,760 fix-xahar, VAT inkluż, għal 130 resident, b’indexation mal-RPI.
Dan il-proġett għandu jiżgura l-aħjar investiment għall-anzjani tagħna kemm min-naħa tal-Gvern, kif ukoll min-naħa tal-kuntrattur magħżul għal dan il-proġett għax jekk is-servizz ma jilħaqx il-livelli stabiliti fil-kuntratt, jiġu applikati penali għal kull nuqqas u dawn jitnaqqsu mill-ħlas li jkun irid isir għal dak ix-xahar. Għal dan il-għan, il-Gvern ser ikollu unit indipendenti biex jassigura dan.
Il-Gvern mhux ser ikun responsabbli ta’ xejn fil-proġett għajr għal-livell tal-kura tas-saħħa. Dan ifisser li r-riskji ta’ cost overruns u time overruns ser iġorrhom il-kuntrattur, kemm fil-fażi ta’ bini u anke fil-fażi ta’ 25 sena servizz li jrid jagħti. Is-servizzi jinkludu servizzi ta’ hospitality, management tal-faċilitajiet, maintenance, sigurtà u oħrajn. Tajjeb wieħed jiċċara li wara 25 sena, il-bini jgħaddi f’idejn il-Gvern.
Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-Public Private Partnerships fl-aħjar interess tal-komunità.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Louis Deguara fakkar li bħalissa għaddejja attività kbira fil-Ministeru tas-Saħħa fuq erba’ proġetti kbar:
· il-ftuħ ta’ l-Isptar Mater Dei,
· il-preparamenti għat-trasformazzjoni ta’ l-Isptar Zammit Clapp għal sptar ta’ l-Onkoloġija,
· il-bini ta’ faċilità għar-Riabilitazzjoni biswit ir-Residenza San Vinċenz u
· fil-jiem li ġejjin se jibda x-xogħol fuq ir-Residenza għall-Anzjani fil-Mellieħa.
Dawn l-inizjattivi huma r-riżultat tal-viżjoni li l-gvern minn dejjem kellu fil-qasam tas-Saħħa u f’dak ta’ l-anzjani. L-istatistika turi li n-numru ta’ anzjani qed kull ma jmur jikber għaliex il-kwalità tal-ħajja tjiebet kif ukoll minħabba l-kwalità għolja tas-servizzi tas-saħħa li noffru. Il-gvern ilu issa għal bosta snin jimmodernizza San Vinċenz u fetaħ numru ta’ residenzi oħra biex jilqa’ għad-domanda. Wieħed irid jiftakar li fl-1987 bdejna mix-xejn u llum niftaħru li għandna servizzi għall-anzjani li pajjiżi oħra qegħdin isaqsu dwarhom u jimxu fuq l-istess passi tagħna.
Għalhekk il-gvern għaddej bi programm ta’ modernizzar u żieda ta’ postijiet f’San Vinċenz u Saint Jean Antide f’Monte Carmeli kif ukoll issa bid-Dar tal-Mellieħa. Il-gvern qiegħed ukoll jippjana l-bini ta’ Faċilità ta’ Riabilitazzjoni b’280 sodda li għandha tgħin biex ittaffi d-domanda għal rikoveru permanenti fid-djar residenzjali għall-anzjani.
Fil-proġett tal-Mellieħa l-gvern introduċa l-kunċett tal-public-private partnership fejn diġà għandna djar għall-anzjani li jitmexxew mill-privat. Hawnhekk se jittella l-livell ta’ parteċipazzjoni mill-privat fuq skala oħra fejn il-privat se jieħu ħsieb jibni l-faċilità u jamministra dawk is-servizzi kollha li m’humiex kliniċi filwaqt li dawk mediċi jitmexxew mill-gvern.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959