MALTA TIPPREżENTA KANDIDATURA TAGħHA GħAL SEGRETARJU ĠENERALI TAL-COMMONWEALTH
Malta qed tippreżenta lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Dr Michael Frendo bħala l-kandidat tagħha għal Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.
Illum, permezz tal-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Londra, bdiet titqassam fid-diversi Kummissjonijiet Għoljin tal-pajjiżi tal-Commonwealth f'Londra, ittra mill-Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi li fiha jħabbar dan lill-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth u lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Donald C. McKinnon.
Fiha l-Prim Ministru Malti, li bħalissa jokkupa l-kariga ta' presidenza (chair-in-office) tal-Commonwealth, jgħid li din il-kandidatura hija xhieda oħra ta’ l-impenn ta' Malta favur il-Commonwealth u r-rwol importanti ta' din l-organizzazzjoni internazzjonali.
Dr Michael Frendo bħalissa jokkupa l-Presidenza tal-Commonwealth Ministers Action Group (CMAG) wara li ġie magħżul mill-Ministri li jifformaw parti minn dan il-Grupp importanti fil-Commonwealth li jara li l-pajjiżi membri jsegwu l-prinċipji ta' ggvernar espressi fid-Dikjarazzjoni ta' Harare.
Wara ċ-CHOGM ta' Novembru 2005 li ġie organizzat f'Malta, is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Don McKinnon appunta lill-Ministru Michael Frendo bħala President ta' l-iSteering Committee ta' Commonwealth Connects, Commonwealth Action Programme for the Digital Divide.
L-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth għandha ssir waqt iċ-CHOGM f'Kampala, l-Uganda f'Novembru ta' din is-sena u l-persuna eletta tidħol fil-kariga f'April ta’ l-2008.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kkummenta li "In-nomina tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta għal din il-kariga prestiġjuża internazzjonalment hija kontribut kbir ta' Malta għall-Commonwealth u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata din l-organizzazzjoni li Malta ilha tifforma parti minnha mill-1964."
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959