EASTER MONDAY PARADES F’BUĠIBBA U L-QAWRA
“Il-Gvern jaf li, minkejja li n-numru ta’ turisti li qed iżuru Malta żdied għal xahar wara l-ieħor bejn Novembru u Frar, l-operaturi turistiċi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet li l-Gvern, flimkien ma’ l-istakeholders, qed jaħdem biex jissupera.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta kien qed jindirizza l-istampa fil-Każin tal-Banda ta’ San Pawl il-Baħar dwar l-organizazzjoni ta’ Easter Monday Parades f’Buġibba u l-Qawra.
“Fuq inizjattiva ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bars u Ristoranti ta’ San Pawl il-Baħar qed ikunu organizzati Easter Monday Parades f’Buġibba u l-Qawra. Il-Ministeru, permezz tal-MTA, ser jagħti għajnuna finanzjarja għal din l-attività,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn il-parati ser jieħdu sehem baned, il-Qawra Scouts u terramaxka; ser jittellgħu wirjiet ta’ divertiment fil-Qawra u Buġibba; ser ikun hemm animazzjoni, face painting, balloon modellers u bouncy castles. Hu qal li ser jipparteċipaw ukoll kantanti u żeffiena filwaqt li ser jiġu organizzati Easter Egg Hunt għat-tfal, Easter Bonnets/Hats Competition u Easter Egg Painting Competition.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li permezz tal-Kumitat tal-Karnival il-Ministeru diġà ta kontribut biex nhar il-Ġimgħa tal-karnival irranġa biex il-Mellieħa Band Club, li kienet il-banda li ħadet sehem fl-isfilata tal-Karnival fil-Belt, marret iddoqq mat-toroq ta’ San Pawl il-Baħar. Hu qal li din kienet l-ewwel darba li banda li ddoqq fil-Karnival marret idoqq f’post ieħor qabel ipparteċipat fid-defilé tal-Belt.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern f’dawn l-aħħar xhur wettaq il-proġett għall-bini ta’ perched beach f’Buġibba b’investiment ta’ Lm457,000 (€1,064,523). Hu qal li din il-bajja ramlija fuq il-blat tlestiet b’dak kollu li teħtieġ bajja moderna. Hu qal li l-Gvern kellu diversi proġetti oħra għall-inħawi kollha ta’ San Pawl il-Baħar li ser jitwettqu bl-iskop li l-inħawi jissebbħu u jkunu aktar attraenti għat-turiżmu. Hu qal li aktar dettalji dwar dawn il-proġetti ma jdumux ma jitħabbru.
“It-turiżmu hu settur dinamiku fejn il-mod ta’ kif jiġu attirati t-turisti, u kif jivvjaġġaw, jinbidel minn żmien għall-ieħor. Il-Gvern jemmen li mit-turiżmu għandu jgawdi l-poplu kollu u għalhekk qed jieħu l-miżuri meħtieġa, flimkien ma’ l-imsieħba fis-settur, biex l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar jerġgħu jkunu l-bejta ta’ attività turistika li lkoll nixtiequhom li jkunu,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959