Stqarrija mill-Ministeru għall-iżvilupp urban u toroq: Ma saret ebda ekonomija falza fil-bini mill-ġdid tal-Bypass ta’ l-Imtarfa
L-argumenti li qed iġib il-Kelliem Ewlieni Laburista għat-Toroq, l-Onor. Charles Buhagiar, dwar il-bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali juru kemm l-Oppożizzjoni għadha ma fhemitx x’inhuma l-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna f’dan il-qasam.
Fl-aħħar stqarrija tiegħu dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Bypass ta’ l-Imtarfa, l-Onor. Charles Buhagiar ikkritika lill-Gvern għad-dewmien fit-tlestija ta’ din it-triq u n-nefqa aħħarija fuqha. Ironikament, il-Kelliem ta’ l-Oppozizzjoni naqas milli jsemmi li dan il-proġett kellu jsir minħabba l-inkompetenza u t-traskuraġni li kienu jikkaratterizzaw ix-xogħlijiet infrastrutturali li saru minn Gvernijiet Laburisti fil-passat.
Il-Bypass ta’ l-Imtarfa kienet waħda mit-toroq li kienu nbnew mill-Gvern Laburista tat-tmeninijiet. Waqt li kienet qed tinbena mill-ġdid, kien instab li din it-triq mhux biss kienet inbniet fuq xifer ta’ għolja taflija, mingħajr ilqugħ ta’ xejn għaliha fuq in-naħa tal-wied, iżda kienet ukoll inbniet fuq pedament ta’ radam mimli materjal organiku, bħal zkuk tas-siġar.
Li din it-triq kienet inbniet ħażin, jixhdu l-fatt li din bdiet tisfronda ftit snin wara li nfetħet. Il-kundizzjoni tagħha tant iddeterjorat li eventwalment karreġġjata minnha kellha tingħalaq għat-traffiku minħabba li saħansitra setgħet tkun ta’ periklu għal kull min kien qiegħed isuq fuqha.
Għall-kuntrarju ta’ dan, fil-proġett ta’ bini mill-ġdid tal-bypass, ittieħdu miżuri biex din ma terġax issofri mill-istess ċedimenti strutturali. Dan sar billi nbena dak li x’aktarx huwa l-itwal u l-ogħla retaining wall li qatt inbena fi proġetti ta’ toroq reċenti. In-nefqa fuq dan il-ħajt kienet ekwivalenti għal aktar min-nofs l-ispiża aħħarija totali. Inbnew ukoll water culverts għall-ilqugħ ta’ l-ilma tax-xita.
Għalhekk, joħroġ ċar li l-ispiża ta’ Lm1.2 miljuni (€2.8 miljuni) fuq dan il-proġett ma kienitx frott ta’ nuqqas ta’ ppjanar, bħal ma qed tallega l-Oppożizzjoni, iżda din l-ispiża tirriżulta mill-fatt li f’dan il-proġett ma saret ebda ekonomija falza, bħalma kien isir fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista.
Il-Perit Buhagiar naqas milli jsemmi wkoll li waqt li kienet qed tinbena mill-ġdid il-Bypass ta’ l-Imtarfa, il-pajjiż kien għaddej bi programm estensiv ta’ tiġdid ta’ toroq arterjali, fosthom toroq li jmissu ma’ din il-bypass. Dan il-programm wassal biex mis-sena 2000 ‘l hawn, inbnew mas-26 fil-mija tat-toroq arterjali u distributorji f’Malta.
Għalhekk, jekk wieħed irid jitkellem fuq il-kompetenza ta’ amministrazzjonijiet differenti f’dan il-qasam, jista’ jqabbel il-madwar kilometru wiehed (1) ta’ toroq arterjali li nbnew bejn l-1997 u l-1998, mas-37.5 kilometri ta’ toroq arterjali u distributorji li nbnew fl-aħħar sitt snin u nofs.
Ta’ min jistaqsi wkoll kif, minkejja l-ftaħir kollu ta’ l-Oppozizzjoni dwar kemm kienu jiġu ppjanati bir-reqqa l-proġetti infrastrutturali bejn l-1997 u l-1998, f’dak iż-żmien ma kienx hemm proġett li kien jinvolvi bini ta’ toroq li ma qabiżx l-ispiza ppjanata bil-kbir.
Hija ironija li fi żmien meta kien diġa twaqqaf il-Unit ta’ Kordinament - li ta’ spiss jissemma fl-istqarrijiet ta’ l-Oppożizzjoni - proġetti bħal dak ta’ Buġibba li kellu jiġi jqum Lm1.95 miljuni (€4.5 miljuni), spiċċa biex sewa Lm3.56 miljuni (€8.2 miljuni) - jew żieda ta’ aktar minn 80% fuq l-ispiża ppjanata.
Jidher ukoll li bejn l-1997 u l-1998, il-Unit ta’ Kordinament anqas kiseb titjib fil-kwalità tax-xogħol fil-ftit toroq li nbnew mill-ġdid f’dak il-perjodu. Dan jidher ċar fi Triq Ħaż-Żabbar, fejn il-metodi ta’ kostruzzjoni li kienu ntużaw fil-bini mill-ġdid ta’ din it-triq, wasslu biex illum - inqas minn għaxar snin wara - l-asfalt fil-wiċċ ta’ din it-triq tant iddegrada, li huwa kollu mmewweġ. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-mod kif qed jinbnew it-toroq arterjali u distributorji mill-Gvern preżenti - fejn it-toroq qed jinbnew biex iservu għal 25 sena mingħajr il-bżonn li jsiru nterventi fuq l-istruttura tagħhom.
Minn dan kollu joħroġ ċar li l-Oppożizzjoni għadha ma fhemitx li l-isfida li għandu pajjiżna f’dan il-qasam m’hix li jinqatgħu l-kantunieri, iżda li ma ssir ebda ekonomija falza li tista’ tikkomprometti l-kwalità u d-durabilità tax-xogħlijiet li jsiru.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959