Il-kultura ssaħħaħ l-identita’ tagħna
Fil-Port il-Kbir illum wara nofsinhar saret ir-regatta tradizzjonali marbuta mal-festa ta’ Jum il-Ħelsien. F’din ir-regatta, li bdiet għall-ħabta tas-2.00 p.m., ipparteċipaw timijiet minn seba’ clubs tar-regatta: Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Kalkara, Marsa, Marsamxett u l-Isla.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ippreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa. Hu qal li f’pajjiżna qed jiġu organizzat żewġ regatti fis-sena: dik marbuta mal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja u dik li qed issir illum li hi marbuta mal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħelsien.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-regatta saret parti mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna fejn diversi qaddiefa jagħtu l-ħin liberu tagħhom biex jitħarrġu ħalli jkunu jistgħu jipparteċipaw għal dawn iż-żewġ regatta. Dawn ir-regatti għadhom popolari ħafna mal-Maltin u anke jiġbdu lejhom turisti li jkunu f’pajjiżna, li jieħdu pjaċir isegwu t-tiġrijiet fejn tispikka ‘il-pika’ bejn il-clubs Maltin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul is-sena diversi taqsimiet tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jorganizzaw attivitajiet popolari u folkloristiċi li huma parti mill-kultura nazzjonali. Il-kultura tagħna rridu mhux biss ngħożżuha iżda wkoll inxerrduha għaliex tagħżilna minn kull nazzjon ieħor. Hu qal li dawn l-avvenimenti jagħmlu lil Malta aktar Maltija u għalhekk jikkontribwixxu biex insaħħu l-identita’ tagħna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta kull nazzjon kien qed jagħmel ħiltu biex jieħu sehemhu mill-industrja turistika, aħna wkoll konna qed naħdmu bla waqfien biex insibu dawk in-niċeċ li jgħollu l-prodott turistiku Malti u jagħmlu lill-pajjiżna attraenti mal-barranin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lil timijiet rebbieħa filwaqt li rringrazzja lil kull min ipparteċipa fit-tiġrijiet.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959