NIPPROMWOVU L-MOBILITA` TAL-ĦADDIEMA MADWAR L-EWROPA
Il-Fiera Annwali ta’ l-Impjiegi li tippromwovi l-opportunitajiet ta’ xogħol fl-Ewropa ġiet organizzata għal darb’oħra mill-Uffiċċju EURES tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea żar il-fiera u tkellem ma’ dawk preżenti dwar l-opportunitajiet li jeżistu u l-appoġġ li jeżisti għal dawk li jiddeċiedu li jmorru jaħdmu f’pajjiż differenti. Hu qal li esperjenza ta’ xogħol f’pajjiż ieħor ta’ l-UE mhux biss tgħin lill-persuna jiftaħ orizzonti ġodda fil-karriera tiegħu imma tkompli tarrikkixxi l-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħu u tagħmlu risors ta’ valur aktar għoli għal pajjiżna.
Is-Servizz ta’ l-Impjiegi Ewropew (EURES) hu network ta’ koperazzjoni mfassal biex jiffaċilita l-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Ewropa. Sħab f’dan in-network jinkludu s-servizzi pubbliċi ta’ l-impjiegi Ewropej, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-għaqdiet ta’ min iħaddem. In-network hu kkordinat mill-Kummissjoni Ewropea. L-ETC hi msieħba f’dan in-network u tmexxi s-servizzi lokali tal-EURES.
Il-Korporazzjoni temmen li għandha tippromwovi d-dritt tal-ħaddiema sabiex jgħixu u jaħdmu fi Stat Ewropew b’mod speċjali meta tikkonsidra li diversi studji juru kif madwar 2% biss tal-popolazzjoni li taħdem fl-Unjoni Ewropea tgħix fi Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tagħha. Rappreżentanti tal-EURES mill-Italja, ir-Renju Unit, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, l-Islovakkja, l-Awstrija u Franza pparteċipaw fil-Fiera li ttellgħet fil-Lukanda Le Meridien Phoenicia nhar il-Ġimgħa 30 u nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu 2007.
L-Uffiċċju EURES f’Malta, imwaqqaf f’Mejju ta’ l-2004, s’issa għen lil aktar minn 7,000 persuna li kienu interessati li jaħdmu f’xi pajjiż Ewropew. Reċentament il-EURES Malta għadu kif nieda l-website il-ġdida tiegħu, www.euresmalta.com
Dawk il-persuni li huma interessati jsiru jafu aktar dwar l-opportunitajiet ta’ impjieg f’xi pajjiż Ewropew, għandhom jikkuntattjaw l-Uffiċċju EURES ta’ l-ETC fuq 222 02 203 jew permezz ta’ l-e-mail fuq eures@etc.org.mt
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959