Jitlesta x-xogħol fuq il-bypass ta’ l-imtarfa
Il-bypass ta’ l-Imtarfa ser tinfetaħ kollha kemm hi għat-traffiku fi ftit jiem oħra, hekk kif illum beda jingħata l-aħħar saff ta’ asfalt fuq il-karreġġjata li tieħu lejn in-Nigret.
Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol dal-għodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li bit-tlestija ta’ din l-aħħar fażi tax-xogħlijiet ser ikun qed jinġieb fi tmiemu proġett infrastrutturali kkumplikat.
“Din it-triq hija waħda minn dawk li nbniet fuq it-tafal fis-snin 80. Għalkemm mhux impossibbli li tinbena triq fuq dan it-tip ta’ materjal, trid tieħu bosta miżuri biex l-istruttura tat-triq ma ċċedix. Ebda waħda minn dawn il-miżuri ma ttieħdu meta kienu qed jinbnew toroq bħall-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar u propju l-Bypass ta’ l-Imtarfa aktar minn għoxrin sena ilu.” qal il-Ministru Mugliett.
Hu spjega li b’konsegwenza t’hekk din it-triq bdiet iċċedi ftit snin wara li nfetħet. L-istat tagħha tant iddeterjora li kienet saħansitra saret tippreżenta periklu għal min jużaha u kellha tingħalaq biex tinbena mill-ġdid.
“Ir-rikostruzzjoni ta’ din it-triq arterjali kien jippreżenta bosta sfidi li n-Network Infrastructure Directorate qatt ma kien iltaqa’ magħhom. L-isfida ewlenija kienet il-bini ta’ retaining wall għoli fuq il-wied biex iżomm lit-triq milli ċċedi għal isfel. Dan il-ħajt, li f’ċertu partijiet huwa għoli ma’ l-10 sulari, huwa l-akbar retainingwall li qatt bniet l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta,” qal il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Il-Bypass ġiet mgħammra wkoll b’kanali biex l-ilma tax-xita jinġabar u ma ssirx ħsara lill-pedamenti tat-triq. Ġie mgħoddi wkoll main tad-drenaġġ u main ta’ l-ilma ġdid, filwaqt li nbnew bankini ġodda. Ix-xogħlijiet kollha fuq din it-triq ta’ 1.3 kilometri ser ikunu swew madwar Lm1.2 miljuni (madwar €2.8 miljuni). Din ir-rata ta’ nfiq titqabbel sew ma’ dik ta’ proġetti ta’ toroq simili, minkejja li r-retaining wall tagħha sewa aktar min-nofs ta’ l-investiment totali.
Il-bypass ta’ l-Imtarfa tmiss mas-16.5 kilometri ta’ toroq li nbnew bil-fondi tal-Ħames Protokoll Taljan. Il-poplu Malti b’hekk issa jista’ jsuq minn Birżebbuġa sar-Rabat fuq toroq ta’ l-ogħla livell. It-tlestija ta’ din it-triq tfisser ukoll li mas-26% tat-toroq arterjali u distributorji f’Malta nbnew mill-ġdid mis-sena 2000 ’l hawn.
Il-Ministru Mugliett qal li l-ftuħ mill-ġdid ta’ din it-triq ser iwassal għal titjib immedjat fil-kwalità tal-ħajja tar-Rabtin, peress li t-traffiku dirett lejn il-Baħrija, Ħad-Dingli u parti mir-Rabat stess ser ikun jista’ jgħaddi minn din il-bypass minn flok jgħaddi mit-telgħa tas-Saqqajja u ċ-ċentru tar-Rabat.
“Il-Gvern qed jaħdem ukoll fl-Imtarfa nnifsha bil-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Imtarfa, li hija it-triq ewlenija li tintuża mill-vetturi li jkunu ħerġin minn dan ir-raħal. Ix-xogħol fuq din it-triq residenzjali ser jiġi jiswa ftit aktar minn Lm60,000 (€139,762),” qal il-Ministru Mugliett.
Triq l-Imtarfa hija l-unika triq residenzjali li għad fadal x’tinbena mill-Gvern Ċentrali. Bit-tlestija ta’ din it-triq, l-Imtarfa tingħaqad ma’ dawk il-lokalitajiet li m’għandhomx aktar toroq residenzjali x’jinbnew.
“Ix-xogħlijiet ta’ toroq li wettaqna fil-punent ta’ Malta huma ċertifikat ta’ l-impenn tal-Gvern li jtejjeb in-network ta’ toroq ta’ pajjiżna b’mod ħolistiku,” temm jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959