Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’, lill-Konferenza Ġenerali tal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) – Furjana  - 29 ta’ Marzu 2007

PR0465
Date Icon 29/03/2007

Sinjuri,

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjakom ta’ din l-istedina għall-Konferenza Ġenerali li matulha se jiġu eletti l-membri l-ġodda tal-Kunsill ta' l-MUMN.  Nixtieq hawnhekk nieħu l-okkażjoni biex insellem lil Rudolph Cini li ħalla l-kariga ta' President tal-Union wara għaxar snin fit-tmun tagħha. Matul dawn l-aħħar għaxar snin kienu diversi l-punti li ma qbilniex dwarhom.  Madankollu nkun qed nonqos jekk ma nistqarrx li Rudolph ħadem u stinka b’dedikazzjoni biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri fi ħdan il-Union.  Il-persistenza u l-entużjażmu tiegħu kienu strumentali biex l-MUMN stabilixxiet ruħha fix-xena tredjunjonistika Maltija.  Konvint li minkejja li spiċċa mill-kariga, fadallu ħafna iktar kontribut x'jagħti f'dan is-settur.  Minn hawnhekk nawguralu l-istess suċċess fil-karriera professjonali tiegħu. 

Hi x-xewqa tiegħi li f'dan il-ħin li għandi għad-disposizzjoni, naqsam xi ftit punti magħkom li jirrigwardjaw l-ħsibijiet tagħna bħala gvern dwar il-pazjent, is-servizzi tal-kura u dawk li jwasslu dawn is-servizzi b'enfasi fuq l-infermiera. 

Il-pazjent.  Dan il-gvern sa mill-bidu nett dejjem saħaq, u ma jixbax jirrepeti, li għalih, il-pazjent huwa ċ-ċentru ta’ kull servizz li jingħata.  Kull deċiżjoni li ttieħdet fil-passat u oħrajn li għad jittieħdu, se jittieħdu b’din il-konvinzjoni.  Għalina li nħaddnu prinċipji msejjsa fuq il-valuri nsara, il-persuna, iktar milli l-individwu, għandha valur intrinsiku u fundamentali. Nemmnu bil-qawwa li s-settur tas-saħħa huwa wieħed mill-aktar oqsma fejn dawn il-valuri jistgħu jiġu mħaddma.  Nieħu gost ninnota li anki l-Oppożizzjoni issa qed tagħraf li l-persuna trid tkun fiċ-ċentru tas-servizz.  Dan hu dikjarat fid-dokument “Poplu b’Saħħtu, Pajjiz b’Saħħtu” li kien ippublikat xi ftit taż-żmien ilu. 

Kien għalhekk li meta, madwar tliet snin ilu rrevedejna l-liġi dwar il-professjonijiet mediċi, ħadna ħsieb biex fuq kull Kunsill, Kumitat jew Bord ninkludu rappreżentant jew iżjed tal-pazjent.  Hekk għamilna fuq il-Kunsill dwar l-Infermiera u l-Qwiebel, kif tistgħu tixhdu intom stess. 

Pass ieħor li se nieħdu u li juri l-impenn tagħna favur il-pazjent, għax se jiggarantixxi kwalità għola fl-għoti tas-servizzi, hi l-qasma proposta fir-rwoli fi ħdan id-Divizjoni tas-Saħħa.  Bil-liġi dwar is-servizzi tas-saħħa li għandha titressaq fil-Parlament, ir-rwoli tar-Regolatur, min jixtri s-servizzi, kif ukoll min jipprovdihom, se jkunu distinti minn xulxin.  Dan kollu biex s-servizz jitjieb u l-poplu Malti jkun jista' jgawdi livell ta’ saħħa aħjar milli diġà qed jagħmel, livell li ġie rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.  Anki hawn ninnota b'sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni ġejja warajna kif kien dikjarat ukoll fl-istess dokument li semmejt qabel. 

Ir-riżorsi umani.  Ħadd ma jista' jiċħad li bil-ħidma tal-gvern matul dawn l-aħħar snin, is-settur ta’ l-infermiera fil-qasam tas-saħħa għamel passi ta’ ġgant ’l quddiem, li serva biex intom tkunu iktar imħejjijin professjonalment f'xogħolkom.  Pass ewlieni kien it-twaqqif tad-Direttorat għas-Servizzi Infermeristiċi li għandu fost l-għanijiet prinċipali tiegħu, aktar għarfien professjonali ta’ l-infermiera u l-qwiebel, kif ukoll titjib fil-livell u l-kwalità ta’ kura li tingħata lill-pazjenti.   

Minn naħa tagħna, aħna dejjem impenjati biex insaħħu dan id-Direttorat sabiex ikun jista’ jilħaq l-għanijiet tiegħu.  Deċiżjoni oħra li llum wieħed jinduna kemm kienet għaqlija hi dik li ħa l-gvern lejn l-aħħar ta’ s-snin tmenin, meta kien waqqaf l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa.  Kien pass li għen immensament biex illum għandna nfermiera iżjed kwalifikati u professjonali li ġabu qabża fil-kwalità fil-għoti tas-servizzi b’benifiċċju kbir għal pazjent.  Bdejna bil-mod indaħħlu mentalità ġdida.  Ridna li l-kwalità tibda tisboq il-kwantità mingħajr pero, ma noħolqu kriżi fin-numru ta’ infermiera.  Tant irnexxielna nilħqu bilanċ li jekk wieħed iħares lejn iċ-ċifri tat-tmien snin bejn 1998 u 2006 wieħed malajr jinduna li kien hemm żieda ta’ 60% fin-numru ta’ infermiera jew biex ninftiehem aħjar, żieda impressjonanti ta’ 900 infermier. 

Iżda minkejja dan kollu xorta għadna niffaċċjaw l-isfida għal iżjed riżorsi umani.  Ftit taż-żmien ilu l-gvern ħabbar pjan radikali ta’ żvilupp fil-qasam tas-saħħa li ser ifisser nefqa kapitali konsiderevoli.  Minħabba d-domanda ikbar li hi antiċipata għas-servizzi tar-rijabilitazzjoni u wara konsultazzjonijiet preliminari mal-Health planners, il-gvern ħa d-deċiżjoni politika li jibni Ċentru ta' Rijabilitazzjoni b’288 sodda f'Ħal-Luqa, biswit ir-Residenza ta’ San Vinċenz, kif ukoll it-trasferiment tas-Servizzi Onkoloġiċi fl-isptar Zammit Clapp, fejn se jkun hemm lok għal espansjoni ta’ dawn is-servizzi, biż-zieda fin-numru ta’ sodod.  Ma’ dawn iż-żewġ proġetti wieħed ma jridx jinsa l-ftuħ ta’ l-isptar Mater Dei kif ukoll il-programm kontinwu ta’ moderniżżar f'San Vinċenz De Paul u l-bini ta’ Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa.   

M’hemm l-ebda dubju li dawn il-faċilitajiet ġodda jfissru żieda fid-domanda għal aktar professjonisti fosthom infermiera biex inkomplu bit-tradizzjoni ta’ servizzi ta’ kwalità.  Meta jasal il-waqt, id-Diviżjoni tas-Saħħa tiddiskuti ma’ dawk involuti, l-aħjar mod kif jiġu offruti s-servizzi minn dawn il-faċilitajiet ġodda.  Opportunitajiet oħra għall-infermiera nħolqu wkoll mill-politika ta’ liberalizzazzjoni tal-gvern fir-rigward ta’ l-isptarijiet private, li llum daħlu f’kompetizzjoni diretta mal-gvern stess fl-ingaġġ tar-riżorsi umani.  Tajjeb insemmu wkoll, li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fetaħ orizzonti ġodda għall-infermiera Maltin. 

Il-gvern, kif joħroġ mid-diskussjonijiet tal-ġimgħa l-oħra bejnu u l-Unions, għandu pjani ta’ reklutaġġ fuq skala iktar aggressiva mill-imgħoddi bil-ħsieb li jħajjar iżjed żgħażagħ jagħżlu karriera fil-professjoni infermeristika.  Tajjeb li wieħed isemmi, hawnhekk, li fl-Università ta’ Malta f'dawn l-aħħar erba' snin biss, infetħu opportunitajiet ġodda ta’ gradi f'livell ta’ Baċellerat u Masters.  Din is-sena biss, id-Diviżjoni tas-Saħħa qegħda tisponsorja 20 infermier f'livell ta’ Masters part-time u 2 full-time kif ukoll 30 fil-Baċellerat fis-Saħħa Mentali (Nursing) part-time.  Hemm ukoll 17 isegwu kors f'Baċellerat fil-Kura Komunitarja (Nursing) part-time u 15 Baċellerat Ġenerali fin-Nursing part-time.  Wieħed tajjeb ifakkar ukoll, li hemm 72 enrolled nurse li qegħdin isegwu l-kors ta’ Konverżjoni biex isiru staff nurses kif ukoll l-isponsorship taħt forma ta’ release minn fuq il-post tax-xogħol biex infermiera bid-Diploma in Nursing jkomplu għal BSc in Nursing.  Dawn huma kollha opportunitajiet li l-infermiera għandhom jaħtfu mhux biss biex javanzaw professjonalment imma wkoll biex jilħqu l-milja tal-professjoni li jipprattikaw.  Qed naħsbu wkoll fuq modi oħra jew inċentivi biex nerġgħu nħajjru lura għax-xogħol infermiera li telqu mis-servizz. 

Qed insemmi dan kollu għax kultant jiġrielna li ninsew malajr dak kollu li jkun sar jew li qed isir fil-ħerqa ġenwina tagħna biex intejbu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol f’dan is-settur.  Tajjeb li wieħed isemmih ukoll għax għal kuntrarju ta’ nvestiment kapitali bħal per eżempju l-Mater Dei li jista' jaraħ u jmissu kulħadd, investiment fir-riżorsi umani jew fit-taħriġ kontinwu tagħhom, hemm it-tendenza li jiġi njorat jew ma jingħatax l-importanza li jistħoqqlu.  Din is-sena il-gvern qiegħed jivvota madwar miljun u erba’ mitt elf lira fuq reklutaġġ u taħriġ ta’ ħaddiema fis-settur tas-Saħħa. 

Is-servizzi.  Issa li wasalna lejn it-tmiem ta’ l-ikbar proġett li gvern Malti qatt daħal għaliħ jiġifieri l-isptar Mater Dei, se jkun wasal iż-żmien li ndawwru l-attenzjoni tagħna lejn it-tisħiħ tas-servizzi li diġà għandna, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda.  Żgur li l-ewwel prijorità se tkun fuq l-iżvilupp u t-tiġdid tal-qasam tal-Kura Primarja u l-Kura fil-Komunità.   

Diġà qegħdin fil-proċess li nwaqqfu working group li xogħolhu se jkun li jevalwa s-sitwazzjoni preżenti u joħroġ bi proposti kif dan is-settur għandu jiġi riformat fuq linji moderni bl-ikbar benefiċċju għal dawk li jużawħ.  Bil-ħsieb li npoġġu fuq sisien sodi din ir-riforma, minn issa qed nagħtu opportunità tad-deheb lil dawk li qegħdin f'dan il-qasam sabiex jitħarrġu f'livell ta’ Baċellerat fil-Community Health Nursing.  Il-mira hi li maż-żmien dawk kollha nteressati u li jħossuhom fid-dover li jipparteċipaw f’din il-bidla, jingħataw din l-opportunità.  Ta’ min jgħid li bħalissa hemm żewġ infermiera jsegwu M.Sc. (Community Health Nursing) fl-Università ta' Salford.  Dan kollu aħna nemmnu fih għax nixtiequ li l-infermiera jkollhom rwol prinċipali fil-bidliet meħtieġa. 

Naturalment, b'titjib fis-servizzi aħna ma nfissrux biss riforma fil-Kura Primarja u dik fil-Komunità.  Hemm lok għal titjib f'ħafna servizzi oħra, kemm f'servizzi li jingħataw fl-Isptar San Luqa li dalwaqt jiġu trasferiti lejn Mater Dei, kif ukoll f'dawk li jingħataw fis-settur ta’ l-Anzjani. 

Ngħaddi issa għall-aħħar ħsieb li xtaqt naqsam magħkom li hu s-sehem li l-Union tista’ tagħti fl-isfond ta’ dan kollu li għadni kif semmejt u l-bidla li dan is-settur ser jgħaddi minnu.  Hija ħaġa naturali li kull ħaddiem, minħabba l-biża li ma jkunx jaf x’ser jiġri, jirreżisti għal bidliet.   

Hawnhekk l-Union tista’ tagħti kontribut siewi billi b’responsabbiltà tkun pro-attiva u xxejjen dawn il-biżgħat u tfiehem lill-ħaddiema l-ħtiġijiet tal-bidla.  Trid tkun l-Union li tmexxi lill-membri tagħha u mhux bil-maqlub.  Konvint li attitudni bħal din tgħin biex issaħħaħ il-koperazzjoni ta’ bejnietna. 

Il-konvinzjoni tiegħi hi, li hekk kif għamilna s'issa, forsi anki aħjar, naħdmu lkoll flimkien, ma narax għaliex m'għandux ikollna servizzi tas-saħħa aħjar bi gwadann għall-poplu Malti kollu u għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. 

Fl-aħħar, filwaqt li nirringrazzja lil dawk il-membri tal-Kunsill ta’ l-MUMN li ħadmu f’dawn l-aħħar sentejn inħares ‘l quddiem għal aktar koperazzjoni mal-membri u Kunsill Ġdid.  Grazzi

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow