Left arrow Go Back

Se jitfakkar Filantropu Grieg li għex u miet f’Malta

PR0432
Date Icon 26/03/2007

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Greċja huma tajbin ħafna u qed ikomplu jissaħħu f’dawn il-jiem meta qed jitfakkar Giovanni Pappaffi, filantropu Grieg li ġie Malta ta’ eta’ żgħira u għex u miet f’Malta fejn għamel ħafna ġid. 

F’konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u l-Ambaxxatriċi tal-Greċja għal Malta Dorothea Tsimboukeli-Douvos taw dettalji ta’ l-attivitajiet li se jsiru biex ifakkru lil dan il-filantropu. 

Hu twieled f’Salonico fil-Greċja fl-1792 u ġie Malta bħala emigrant u żżewweġ lil Carmela Micallef u meta din mietet reġa’ żżewweġ mara Maltija oħra, Vincenza Aquilina.  

Huwa stagħna bħala negozjant tal-qamħ u kemm dam f’Malta tgħallem tajjeb l-Ingliż. 

Pappaffi ħoloq Fond għall-Emigrazjoni b’somma ta’ Lm1,000 (€2,329.37) li għal dak iż-żminijiet kienet somma sostanzjali. Dan għamlu biex jgħin lill-emigranti li altrimenti ma kellhom ebda tip ta’ għajnuna oħra u għalhekk hu meqjus bħala pijunier f’dan il-qasam. 

Kemm dam f’Malta hu għen ukoll lil diversi żgħazagħ u tfal fil-bżonn filwaqt li fil-Greċja, bi flusu waqqaf orfanatrofju bl-isem ta’ “Meliteus” turija ċara tar-rabta tiegħu ma’ Malta.  Minn dan l-orfanatrofju sal-lum għaddew aktar minn 60,000 persuna. 

Numru minn dawn waslu Malta biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru f’Malta għada, biex ifakkru lil dan il-benefattur tal-Maltin.   

Pappaffi miet ir-Rabat ta’ Malta fl-1886 u ndifen fiċ-Ċimetrju Ta’ Braxia f’Tal-Pieta’ filwaqt li hemm monument dedikat għalih fil-Ġonna tal-Mall fil-Floriana. 

Il-Ministru Michael Frendo tkellem ukoll dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn Malta u l-Greċja li bdew fl-1966, ftit wara l-Indipendenza ta’ Malta.  Barra minn numru ta’ ftehim fosthom dak kulturali, iż-żewġ pajjiżi jikkollaboraw ħafna flimkien fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea u jaħdmu wkoll biex iżommu l-perspettiva tal-Mediterran fuq l-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-Greċja għall-appoġġ lil tat is-sena li għaddiet u se tkompli tagħti din is-sena għall-ħidma mill-FRONTEX kontra l-immigrazzjoni illegali. 

L-Ambaxxatriċi Griega qalet li 190 persuna ġew Malta mill-Greċja biex jieħdu sehem fil-kommemorazzjoni ta’ Pappaffy.  (Programm mehmuż – pr0432.pdf).    

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow