Jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira fost l-Anzjani fir-Residenza San VincenŻ De Paul
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fir-Residenza San Vinċenz De Paul ser jibdew nhar il-Ħadd 25 ta’ Marzo, meta l-anzjani ta’ din ir-residenza flimkien mal-ħaddiema jiċċelebraw il-Festa tar-Redentur. Preżenti għal din l-okkażjoni ser ikun hemm l-Onor. Dott. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ u l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’.
Din l-attivita’ ser tittella’ bil-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ għaqdiet volontarji. Fost dawk li ser jieħdu sehem, insibu lill-abbatini mill-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes ta’ San Ġwann, l-iScouts tal-Qrendi, l-Għaqda Mużikali Trinita’ Qaddisa, il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq u personaġġi Bibbliċi minn diversi lokalitajiet li fihom jittellgħu l-Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
Dawn il-festi huma parti mill-kultura Maltija u l-Amministrazzjoni ta’ San Vinċenz tisħaq fuq l-importanza li tinżamm ħajja l-kultura u jitkattru t-tradizzjonijiet Maltin. Hu għalhekk li f’din ir-residenza jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet soċjali u reliġjużi fuq bażi regolari matul is-sena kollha.
Huma bosta l-attivitajiet li ser jittellgħu f’din ir-residenza. Ta’ min jgħid li nhar il-Ħamis ser nagħtu bidu għall-esebizzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Ma tonqosx iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħasil tar-Riġlejn nhar Ħamis ix-Xirka, it-tqassim tal-figolli u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’l-Irxoxt.
Din is-sena għall-ewwel darba, fuq inizjattiva ta’ Patri Dionisio Mintoff u l-Laboratorju tal-Paċi, grupp ta’ refuġjati ser jattendu ċ-ċelebrazzjonijiet u ser joffru rigali, maħduma bl-idejn minnhom stess, lill-anzjani residenti. Patri Dionisio Mintoff qal li dawn ir-refuġjati xtaqu jagħtu kontribut lis-soċjeta’ Maltija bħala ringrazzjament u bħala sinjal ta’ ħbiberija mal-Maltin.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959