Esibizzjoni ta’ abbozzi artistiċi bit-tema “Madonna and Child” għall-isptar Mater Dei
Fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ġiet inawgurata esibizzjoni ta’ abbozzi artistiċi bit-tema “Mother and Child” li minnhom se tingħażel waħda bħala t-tema uffiċjali ta’ l-isptar Mater Dei. Din l-esibizzjoni tikkonsisti fi 18-il biċċa ta’ arti minn 13-il artist maħdumin b’diversi metodi.
L-esibizzjoni ġiet inawgurata mill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità fil-preżenza ta’ l-E.T. Dr. Ugo Mifsud Bonnici, President Emeritus u Chairman tal-Mater Dei Healing Arts Committee. Sptar bħal Mater Dei jitlob attenzjoni anki għad-dettal. Hu proprju għalhekk li ġie mwaqqaf kumitat apposta biex jikkoordina l-aspett u l-użu ta’ l-arti f’Mater Dei. Minn studji li saru jirriżulta li l-arti jista’ jkollha effett terapewtiku fuq il-pazjenti. Ċertu tip ta’ arti tnaqqas l-istress u l-ansjetà u tikkontribwixxi fil-proċess tal-fejqan.
Il-Ministru Deguara qal li jonqos issa ftit xhur biex skond il-ftehim li sar, SKANSKA tgħaddi l-isptar f’idejn il-gvern u hekk ikollna l-bidu ta’ era ġdida fl-għoti tas-servizzi tal-kura. Bħalissa fl-isptar qed issir ħidma kbira biex dan iseħħ u hekk tkun tista’ tibda l-migrazzjoni tas-servizzi. Partijiet mill-isptar bħall-Emerġenza u l-Kamra Mortwarja diġà għaddew f’idejn il-gvern u partijiet oħra qegħdin fl-istadju finali ta’ tlestija. Beda wkoll ix-xogħol fuq landscaping madwar l-isptar. Il-Ministru fakkar li Mater Dei hu sptar ‘state of the art’ mgħammar bl-aktar teknoloġija avvanzata li llum teżisti fil-kura tas-saħħa li minnu se jgawdi l-poplu kollu.
Proprju l-ġimgħa d-dieħla se tibda l-aħħar fażi ta’ taħriġ għall-impjegati. Dan wara li dawn l-impjegati kollha, fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew, kienu ttieħdu jaraw l-ambjent li se jkunu jaħdmu fiħ. Issa f’din il-fażi li se ddum ġimgħatejn se jingħata taħriġ fuq l-apparat u sistemi ġodda lil madwar 300 ‘super-user’ li min-naħa tagħhom imbagħad jgħaddu l-esperjenzi u l-informazzjoni lil sħabhom. Numru ta’ ‘super-users’ diġà qegħdin jingħataw taħriġ fir-Radjoloġija u s-CSSD. “Din hija l-aħħar fażi fil-process Staff Information Programme. Sadanittant madwar 100 biċċa apparat ġdid qegħdin jintużaw f’San Luqa biex isir taħriġ fuqhom waqt l-użu ta’ kuljum. Ir-ritmu aktar ma joqrob Lulju se jiżdied; u nieħu gost niltaqa’ ma’ professjonisti li qegħdin jistennew bil-ħerqa l-mument li jibdew jaħdmu f’Mater Dei.”
Il-Ministru kompla jgħid li bħalissa mijiet ta’ Maltin qegħdin iżuru Mater Dei u b’għajnejhom qegħdin jaraw il-livell għoli fl-apparat u faċilitajiet. Qatt ma kienet l-intenzjoni tal-gvern li joqgħod lura milli jattrezza l-Isptar Mater Dei bl-aqwa apparat mediku u teknoloġija li se tpoġġi dan l-isptar fost l-aqwa li hawn. Il-Ministru ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħmel żjara fl-isptar u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959