Left arrow Go Back

Jum l-iSport għall-Iskejjel b’differenza ...  FESTIVAL TA’ L-ISPORT GĦALL-EWWEL DARBA FUQ BAŻI TA’ KULLEĠĠI

PR0393
Date Icon 20/03/2007

Għall-ewwel darba f’Jum l-iSport ta’ l-iskejjel primarji 15,000 student ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat ma sefgħux mifrudin bejn kompetituri u spettaturi iżda magħqudin f’parteċipanti entużjażmanti f’dixxiplini differenti ta’ l-isport fil-Kumplessi Sportivi tal-Marsa u tal-Kottonera. It-taqsima ta’ l-Edukazzjoni Fiżika fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ingħaqdet mal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u numru ta’ Għaqdiet Sportivi u organizzat Festivals ta’ l-iSport fuq bażi ta’ Kulleġġi għall-istudenti kollha mill-1 sas-7 sena ta’ l-iskejjel primarji ta’ l-Istat. Coaches professjonali mill-federazzjonijiet, għaqdiet u klabbs sportivi ħadmu flimkien ma’ l-għalliema tal-PE fl-akbar varjetà ta’ dixxiplini sportivi li qatt ra xi Jum l-iSport ta’ l-Iskejjel s’issa. Il-Festivals din is-sena qed isiru f’Marzu u April. 

Il-Ministru Louis Galea, responsabbli sew għall-edukazzjoni kif ukoll għall-isport, dalgħodu żar il-Festival li kien qed isir fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa fejn qrib elfejn student, bniet u subien, invadew kull rokna tal-faċilitajiet sportivi u għaddew tliet sigħat attività sportiva taħt id-direzzjoni ta’ għalliema u coaches. Louis Galea rringrazzja lill-għalliema ta’ l-iskejjel kif ukoll il-coaches u l-uffiċjali ta’ l-għaqdiet sportivi li ingħaqdu fl-inizjattiva tal-Festivals ta’ l-iSport għall-Kulleġġi.  

Huwa fisser l-apprezzament tiegħu lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, lill-KMS u lill-KOM li flimkien ħadmu ma’ l-iskejjel f’inizjattiva ġdida li qed ikollha suċċess u li twettaq il-politika tal-Gvern ta’ sport għal kulħadd. “M’hemmx dubju li l-istudenti apprezzaw bil-bosta aktar li lkoll kemm huma jieħdu sehem milli l-ftit jikkompetu u l-ħafna jħarsu. Din hi idea innovattiva li għandna nsaħħuha għaliex tagħmel ġid lis-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal tagħna. Huwa xieraq ukoll li wieħed ifakkar il-kontribut ta’ l-isport biex insaħħu l-ħsieb wara l-motto li intgħażel għal Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ ‘Ilkoll Differenti, Ilkoll Indaqs’ ” 

Il-Ministru Galea qal li jieħu gost jara li l-investiment kbir li qed jagħmel il-Gvern fil-faċilitajiet sportivi qed ikun apprezzat mill-isportivi u l-għaqdiet tagħhom u qed jirrendi wkoll għall-iskejjel tagħna. “Il-Gvern jemmen li l-ġenerazzjonijiet ta’ tfal u żgħażagħ li għandna llum huma nteressati ħafna f’attività fiżika u sportiva. Hu għalhekk li qed inwettqu pjan fuq firxa ta’ snin biex f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex ikollna spazji għal din l-attività. Fl-iskejjel tal-Gvern qegħdin nibnu u ntejjbu dawn il-faċilitajiet għall-istudenti u għall-komunità u l-għaqdiet sportivi. L-organizazzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi ffaċilitat l-organizazzjoni tal-Festivals ta’ l-iSport filwaqt li l-isport għandu jsir karatteristika ewlenija tal-ħidma edukattiva tal-Kulleġġi.” 

Il-Festivals ta’ l-iSport għall-istudent tas-snin 1 sa 4 saru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u dawk għall-istudenti tas-snin 5 sa 7 saru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Is-sessjonijiet kienu ta’ tliet sigħat il-waħda fejn l-istudenti ġew esposti għal regoli, ħiliet u esperjenzi u pparteċipaw f’dixxiplini sportivi differenti. Id-dixxiplini jinkludu atletika, baseball, basketball, cricket, dancesport, golf, gymnastics, judo, futbol, handball, hockey, karate, netball, powerlifting, rugby, squash, table futbol, tennis u volleyball.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow