“IN-NEGOZJI ŻGĦAR U PERSUNI SELF-EMPLOYED QEGĦDIN JOĦOLQU OPPORTUNITAJIET TA’ IMPIEGI” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Is-self employed u sidien ta’ negozji żgħar qegħdin joħolqu opportunitiet ta’ impjiegi ġodda u huma sors ukoll tal-ħolqien tal-ġid u ta’ innovazzjoni. Huma enerġija li qiegħda tgħin biex f’pajjiżna l-konsumatur qiegħed ikun offrut varjeta’ akbar ta’ servizzi u prodotti. Dan kollu qiegħed ikun ikkonfermat mill-istatistika li qed tiġi ppubblikata llum, rigward min huma s-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar f’pajjiżna, flimkien ma’ l-analiżi tal-ħolqien ta’ l-impjiegi f’pajjiżna, u x’inhu l-kontribut tagħhom għall-ħolqien tal-ġid ta’ pajjiżna. Din il-pubblikazzjoni ta’ din l-istatistika, miġbura minn Prof. Briguglio, flimkien ma’ l-istatistika li ġiet ippubblikata mill-iSmallEnterprise Directorate u statistika oħra ppubblikata mill-GRTU, li kważi ġew ippublikati fi żmien ġimgħa, ser ikunu qegħdin joffru riċerka bażika li kollettivament tagħtina indikazzjoni ċara li f’pajjiżna, minkejja l-isfidi kollha, is-settur tan-negozji ż-żgħar qiegħed ikun kapaċi jisfida l-kompetizzjoni u f’ħafna każijiet jirbaħ fil-kompetizzjoni.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jikkummenta dwar statistika li saret fuq is-settur tan-negozji żgħar f’pajjiżna. L-istħarriġ li sar biex inħarrġet din l-istatistika sar minn Prof. Lino Briguglio fuq talba tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed.
L-istatistika ġiet maqsuma fi tliet sezzjonijiet: Analisi ta’ l-impjiegi u l-valur miżjud ta’ l-intrapriżi fl-ekonomija Maltija; Użu ta’ informatika fost intrapriżi żgħar u mikro; Profil ta’ persuni self-employed.
Ħarsa lejn l-istatistika maħruġa mill-Ufficju Nazzjonali ta’ l-iStatistika turi kif f’Malta 96% ta’ negozji huma mikro intrapriżi li ihaddmu inqas minn 9 persuni. Dawn jammontaw ghal madwar 29,670 negozju.
Dawn in-negozji jħaddmu numru sostanzjali ta’ nies – madwar 43.5% ta’ l-impjegati kollha fis-settur privat jaħdmu f’mikro intrapriżi. Ta’ min isemmi li l-ħaddiema ta’ fabbriki kbar li għalqu fis-snin li għaddew ġew kollha assorbiti minn negozji żgħar.
Minkejja dan, wieħed jinnota li l-valur miżjud iġġenerat minn mikro-intrapriżi jammonta għal madwar Lm6,500 (€15,140.93) għal kull impjegat, filwaqt li dak f’kumpaniji kbar jammonta għal madwar Lm44,000 (€102,492.43) għal kull impjegat. Dan jirrifletti l-fatt li negozji kbar diġa’ għaddew minn proċess ta’ ristrutturazzjoni.
Konformi ma’ dan l-investiment minn negozji żgħar għadu relattivament baxx. Minkejja li n-numru ta’ negozji żgħar li jħaddmu inqas minn disa’ persuni huwa wieħed kbir, in-negozji żgħar qegħdin jinvestu biss 8.7% ta’ l-investiment kollu fil-pajjiż. Dan ifisser li għad hemm lok akbar għal investiment minn negozji żgħar sabiex isiru aktar kompetittivi. In-nuqqas ta’ investiment jista’ jirrifletti wkoll nuqqas ta’ saħħa finanzjarja sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu hekk.
F’Malta nsibu numru sostanzjali ta’ negozji li jbiegħu bl-imnut fejn insibu 12,263 negozji żgħar u mikro minn total ta’ 30,711 jew kwazi 40% tan-negozji żgħar u mikro kollha f’Malta. Dawn in-negozji huma imferrxa fl-ibliet u l-irħula Maltin li llum il-ġurnata saru ċentri kummerċjali fihom infushom. Insibu ukoll ħafna negozji fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-manifattura. In-numru ta’ negozji żgħar u mikro fil-qasam tat-turiżmu huwa żgħir, konformi mal-fatt li l-industrija tat-turiżmu tħaddem ħafna nies.
Dawn ir-riżultati jitqabblu b’mod ugwali ma’ statistika fl-Unjoni Ewropea.
Din l-istatistika turi l-importanza ta’ negozji żghar u mikro-intrapriżi fl-ekonomija. Is-saħħa ta’ l-attivita’ kummerċjali tiddependi ħafna minn negozji żgħar.
Il-Gvern irid jgħin lin-negozji żgħar sabiex ikomplu jinvestu fl-edukazzjoni, fl-użu ta’ l-informatika u fil-qasam ta’ kummerċ elettroniku. Ta’ min jinnota li numru sostanzjali ta’ self-employed għandhom livell ta’ edukazzjoni ta’ mhux aktar mil-livell ta’ sekondarja.
“Din ir-riċerka ser tkompli tiġi analizzata u studjata biex tgħin fit-tħejjija tal-Pjan ta’ Ħidma. Permezz ta’ informazzjoni bħal din, ser inkunu f’pożizzjoni biex nifhmu aħjar il-ħtiġijiet tas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar, biex inkunu nistgħu niffaċilitaw aktar in-negozju” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959