IMĦABBRA SKEMI MILL-ETC GĦAL TAĦRIĠ TA’ MPJEGATI F’NEGOZJI ŻGĦAR
“Il-ħidma tal-Gvern mas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar hija ffukata biex toħloq impjiegi ġodda, filwaqt li tgħin biex titjieb il-kwalita’ tas-servizz u tal-prodott li permezz tiegħu jkun moqdi l-konsumatur. Din il-ħidma tal-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, b’investiment ta’ madwar Lm3.5 miljun (€8.1 miljun) qiegħda twassal ukoll biex titjieb il-kwalita’ ta’ l-infrastruttura u l-ambjent fejn jaħdmu ħafna sidien ta’ negozji żgħar flimkien mal-ħaddiema tagħhom fiż-żoni industrijali. Żona industrijali partikolari li gawdiet minn din il-ħidma tal-Gvern hija ż-żona industrijali tal-Mosta.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt żjara fiż-żona industrijali tal-Mosta, li fiha ġew imħabbra skemi offruti mill-ETC favur negozji żgħar u persuni self-employed. Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ser ikun qiegħed jaħdem id f’id ma’ l-ETC biex in-negozji ż-żgħar li jinsabu f’din u żoni oħra, kif ukoll negozji fiċ-ċentri kummerċjali f’Malta u Għawdex, ikunu mogħtija kull għajnuna biex jipparteċipaw f’dawn l-iskemi.
L-Onor. Edwin Vassallo kompla jispjega li “bħalma ġara l-Ħandaq, it-titjib infrastrutturali li sar fit-toroq ta’ din iż-żona industrijali, qiegħed jgħin biex din iż-żona industrijali tattira lejha aktar persuni li qegħdin ifittxu li jiftħu n-negozji tagħhom. Qiegħed ikun ikkalkulat li l-investiment li qiegħed isir mis-settur privat fix-xiri u l-bini ta’ art li fiha ser jinbnew binjiet għal negozji ġodda bħala estensjoni ta’ dak li diġa’ huwa eżistenti f’din iż-żona, jista’ faċilment ilaħħaq it-Lm3 miljun (€6.9 miljun). Għaldaqstant huwa wkoll ikkalkulat li f’din iż-żona industrijali, fi żmien sena u nofs, tista’ faċilment tkun qiegħda toħloq mal-125 opportunita’ ta’ impjieg.
“Biex il-Gvern ikompli jgħin lis-sidien ta’ negozji żgħar fil-ħolqien ta’ l-impjiegi, permezz ta’ l-ETC, il-Gvern qiegħed jipprovdi għajnuna permezz ta’ skemi ta’ taħriġ magħmula apposta biex jgħinu lis-sidien ta’ negozji fl-impjieg tal-ħaddiema tagħhom.”
Joe Cutajar, Senior Manager, Training Services Division fi ħdan il-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ (ETC) ta dettalji dwar żewġ inizjattivi. L-ewwel waħda tinkludi numru ta’ programmi ta’ taħriġ ta’ Business u Management żviluppati speċificament għal imprendituri u/jew sidien ta’ negozji żgħar u medji. Dawn il-programmi jittrattaw suġġetti bħal: finanzi; marketing; negotiating skills; aspetti ta’ liġi dwar negozji żgħar, business planning; immaniġġjar ta’ persuni u ta’ riżorsi. It-tieni inizjattiva hi t-Training Subsidy Scheme (TSS), li għandha bħala għan il-promozzjoni ta’ kultura ta’ tagħlim fost dawk li jaħdmu f’negozju żgħir. Din l-iskema tipprovdi assistenza finanzjarja lill-impjegati u sidien ta’ negozji żgħar meta jipparteċipaw f’inizjattivi biex itejjbu t-tagħrif u l-ħiliet tagħhom. Dan is-sussidju jkopri 75% ta’ l-ispejjeż ta’ taħriġ sa’ massimu ta’ Lm200 (€465.87).
Waqt il-konferenza ġie spjegat ukoll stħarriġ li ser isir mill-ETC fost is-sidien ta’ negozji li jinsabu fiż-żoni industrijali ta’ Tarġa Gap u Tas-Sriedak, il-Mosta. Edwin Camilleri, Manager Labour Market Information, spjega li l-objettiv ta’ dan l-isħarriġ fost is-sidien ta’ negozji żgħar f’żoni industrijali hu li jidentifika xi nuqqasijiet jew skills gaps li qegħdin isibu l-persuni li jħaddmu. L-ETC hi interessata li tidentifika dawn in-nuqqasijiet kemm biex tgħin lil min iħaddem billi tipprovdi taħriġ għall-impjegati, kif ukoll biex tħarreġ persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol fil-ħiliet li huma mfittxija. Dan l-istħarriġ ser ikun fih ħames mistoqsijiet u ser jibda jsir fil-ġimgħat li ġejjin.
Fit-tmiem tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo awgura li s-sidien ta’ negozji u persuni self-employed f’dawn iż-żoni jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li qegħdin jiġu offruti lilhom, biex b’hekk il-ħaddiema tagħhom ikunu mħarrġa skond il-ħtiġijiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959