“Il-Gvern jemmen fin-negozju u jemmen ukoll f’konsultazzjoni li twassal għal ħidma li tiffAċilita n-negozju.” – IS-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
“L-attivita’ kummerċjali qiegħda kontinwament tiżdied, u hemm bżonn li n-negozji tagħna jitgħallmu kif jirbħu fil-kompetizzjoni u mhux lill-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni hija l-enerġija tas-suq, u jekk in-negozji jagħrfu jużawha, tista’ tkun għodda tajba għalihom. In-negozji għandhom jitħallew jaħdmu bl-inqas xkiel, u l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed qiegħed ifassal inizjattivi li jgħinu biex jiffaċilitaw in-negozju. Irridu naħdmu biex n-negozji ż-żgħar tagħna ma jibżgħux jaħdmu fil-kompetizzjoni” Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha saret sejħa pubblika għal proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal biex jiġu mħejjija l-inizjattivi għall-pjan ta’ ħidma 2007 – 2008.
Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm rappreżentanti mill-MHRA, l-FOI, il-MIM u Chamber of Commerce and Enterprise li, flimkien mal-GRTU u l-MEA ser ikunu qegħdin jgħinu lis-Segretarjat Parlamentari fit-tfassil ta’ pjan ta’ ħidma billi jwasslu l-ħtiġijiet tal-membri tagħhom lis-Segretarjat. B’dan il-mod, il-pjan ta’ ħidma tas-Segretarjat ikun ibbażat fuq dak li verament għandhom bżonn is-sidien ta’ negozji u persuni self-employed.
Ingħatat preżentazzjoni li tat stampa tas-sitwazzjoni tan-negozju u l-kompetizzjoni f’Malta, u ta’ kif ser ikun qiegħed jaħdem is-Segretarjat Parlamentari biex jgħin lin-negozji. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “n-negozji ż-żgħar f’pajjiżna huma sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi, u n-numru ta’ impjegati ma’ negozji żgħar f’dawn l-aħħar snin dejjem żdied. Is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impjiegi hija waħda stabbli. Għalkemm hawn min jgħid li hemm numru ta’ negozji li qegħdin jagħlqu, għal kull negozju li jagħlaq, insibu oħrajn li jiftħu u jiġġeneraw l-impjiegi. Illum qed ikun hemm turnover akbar fil-bdil tal-ġeneru tan-negozju, b’difersifikazzjoni għaddejja l-ħin kollu biex jirbħu fil-kompetizzjoni.”
“Il-Kompetizzjoni tgħinna nżommu l-għoli tal-ħajja taħt kontroll. Għalkemm in-negozjanti jgergru fuq il-kompetizzjoni, din l-istess kompetizzjoni tippermetti li l-konsumaturi ikollhom għażla aktar varjata, garanzija li jistgħu jinqdew aħjar; u aktar għażla ta’ prezzijiet li jinżammu taħt kontroll. Il-Kompetizzjoni qiegħda tikber għax qiegħed jiżdied in-numru ta’ negozji ġodda. Dan għaliex illum sar ferm aktar faċli li wieħed japplika u jieħu liċenzja tan-negozju. Permezz ta’ numru ta’ emendi li saru, tnaqqset il-burokrazija żejda li kien hemm fil-proċess ta’ ħruġ ta’ liċenzi tan-negozju, u b’hekk sar aktar faċli li wieħed jiftaħ negozju ġdid, iżda fl-istess ħin, dan it-tnaqqis ta’ burokrazija wassal għal żieda fil-kompetizzjoni. Skond stħarriġ tal-GRTU, it-tieni l-akbar problema li qegħdin jiffaċċjaw in-negozju mhumiex it-taxxi jew l-burokrazija, iżda l-kompetizzjoni.
“Biex in-negozji tagħna jirbħu fil-kompetizzjoni hemm bżonn li n-negozji tagħna jikkompetu fuq il-kwalita’, billi jitgħallmu joffru prodotti u servizzi li huma ta’ l-aħjar kwalita u jkollhom vantaġġ kompetittiv billi joffru skemi ġodda, servizz aħjar lill-konsumatur, u jagħmlu użu ta’ marketing aħjar. Iridu wkoll jagħmlu użu massimu tar-riżorsi, u jikkompetu bil-kapaċitajiet tagħhom.”
L-Onor. Vassallo spjega li biex jgħin lin-negozji jaħdmu aħjar fid-dinja kompetittiva tal-lum, is-Segretarjat Parlamentari fassal pjan ta’ azzjoni bbażat fuq il-prinċipji taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji żgħar, li huma:
1. Edukazzjoni u taħriġ għall-Imprenditorija
2. Mezz irħas u eħfef biex jgħin in-negozji jibdew jaħdmu
3. Liġijiet u regolamenti aħjar
4. Irid ikun hemm nies tas-sengħa
5. Intejbu l-aċċess permezz ta' l-Internet
6. Aktar minn Suq wieħed
7. Inizjattivi rigward it-Taxxa u dawk finanzjarji
8. Insaħħu l-Kapaċitajiet teknoloġiċi ta' l-Intrapriżi ż-żgħar
9. Mudelli ta' kummerċ elettroniku li rnexxew u nkoraġġiment għall-użu ta' l-ogħla livell favur in-negozji ż-żgħar
10. Niżviluppaw rappreżentanza aktar b'saħħitha u effettiva ta' l-interessi ta' l-intrapriżi ż-żgħar f'livell ta' Unjoni u Nazzjonali
Il-pjan ta’ ħidma ser jindirizza tliet binarji primarji:
§ Start-ups
§ Trasferiment – i) ta’ sid u ii) bdil fil-ġeneru ta’ negozju
§ Egħluq ta’ negozju
Dawn it-tliet binarji ser jinħadmu minn żewġ aspetti: mill-element burokratiku u mill-element loġistiku.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm billi qal li “il-proċess ta’ konsultazzjoni ser iwassal għat-tfassil ta’ dokument li jikkumplimenta l-pre-budget document. Il-pjan ta’ ħidma tas-Segretarjat tiffoka fuq in-negozji iż-żgħar u għandha twassal biex inkunu innovattivi fil-ħidma politika tagħna u nuru li dan il-Gvern huwa verament qrib tan-negozju u jieħu bis-serjeta’ l-kwistjonijiet li jtellfu lin-negozju. Din hija wirja li dan hu Gvern li l-pjanijiet tiegħu jagħmilhom wara li ssir konsultazzjoni xierqa ma’ dawk kollha li ser jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet li jittieħdu.”
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959